Lokali

Uffiċjal li safa’ aggredit waqt il-qadi ta’ dmiru jiddaħħal l-isptar wara kumplikazzjonijiet f’saħħtu

Uffiċjal tal-Pulizija li matul il-lejl li għadda safa’ aggredit minn barrani li kien qed jiġi arrestat kellu jerġa’ jiddaħħal l-isptar Mater Dei għall-kura wara li sofra kumplikazzjonijiet f’saħħtu.

Hu maħsub li l-uffiċjal tal-RIU, PC1151 Carm Gatt, għandu bidu ta’ concussion u għalhekk kellu bżonn li ssirlu CT Scan. Bħalissa qed jinżamm l-isptar għal osservazzjoni medika.

L-agressjoni seħħet meta l-Pulizija ssejħu fuq każ ta’ vjolenza fil-konfront ta’ mara li jidher li kellha relazzjoni mal-agressur. Jidher li dan beda jaggredixxi lill-mara, jitlobha l-flus u wara heddidha wkoll u ried jagħmel ħsara fuq il-proprjetà tagħha mal-wasla tal-Pulizija.

Ir-raġel, bi preċedenti kriminali tant li diġa’ jiffirma fl-għassa, irvilla meta l-Pulizija ppruvaw jikkalmawh, ried ikisser il-bieb tar-residenza tal-mara u saħansitra qabad jagħti fuq il-vettura tagħha qabel finalment ġie arrestat. Iżda dan mhux qabel imbutta lil uħud mill-uffiċjali u gerbeb it-taraġ lil wieħed minnhom.

Mal-wasla tagħhom fl-għassa kompliet l-agressjoni, beda jagħti mal-art, iħabbat rasu mal-ħajt, jallega kontra l-Pulizija u għamel ħsara fl-għamara tal-għassa. Wara beda jilmenta li muġugħ u ried ambulanza iżda ħebb għal żewg membri oħra tal-Korp waqt li kien fi triqtu lejn l-isptar.

F’kummenti fuq Facebook, Sandro Camilleri mill-POU żvela li dan kien it-tieni każ ta’ attakk fuq il-Pulizija fl-aħħar sigħat. Dan wara li ftit sigħat qabel il-Kuntistabbli Mark Tonna ġie aggredit b’injama ġewwa Manoel Island u Surġent ieħor ġie migdum.