L-istat għandu joħloq istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti, mgħammra biex jiggarantixxu d-difiża tal-libertajiet individwali.
Dikjarazzjoni mill-Kumissjoni tal-Knisja għall-Ġustizzja u l-Paċi f’għeluq l-ewwel xahar mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. F’dokument maħruġ minn din il-kummissjoni qed tħeġġeġ liċ-ċittadini kollha sabiex jirriflettu fuq il-qagħda tas-soċjetà tagħna llum, biex jieħdu azzjoni konkreta u jaħdmu għall-ġid komuni, u biex jippromwovu l-paċi.
Il-Kummissjoni tal-Knisja qalet li r-reazzjonijiet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tefgħu dawl fuq il-polarizzazzjoni li teżisti fis-soċjetà tagħna li għadha maqsuma skont il-lealtà politika partiġġjana. Xahar wara għadu qed jinħass nuqqas ta’ paċi fis-soċjetà tagħna, filwaqt li qed nitqabdu biex nifhmu l-gravità ta’ dak li seħħ u l-implikazzjonijiet, kemm għalina bħala individwi kif ukoll bħala komunità.
Waqt li indubbjament huwa meħtieġ li nitolbu lil Alla għad-don tal-paċi tiegħu, huwa ċar li dan mhuwiex biżżejjed. “Il-paċi hija kemm don kif ukoll impenn”1 li jitlob impenn veru minn kull wieħed u waħda minna biex naħdmu għal soċjetà msejsa fuq il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba, li huma l-erba’ valuri li jiddependu fuq xulxin u li fuqhom tissawwar il-paċi.
Il-Kummissjoni qalet li soċjetà ġusta ma tintilifx f’terminoloġiji legalistiċi fejn l-unika intenzjoni tkun li timxi mal-ittra tal-liġi waqt li tkisser l-ispirtu tagħha. Soċjetà ġusta hija dik fejn is-saltna tad-dritt hija ggarantita, fejn id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet huma rispettati mhux biss mill-Istat imma minn kull individwu, u fejn kulħadd huwa ndaqs quddiem il-liġi.
Is-sejħa għall-imħabba titlob minna li mhux biss intaffu t-tbatija individwali permezz tal-karità, imma li naħdmu fuq il-livell soċjali, politiku u ekonomiku biex immexxu ’l quddiem il-ġid komuni.
Il-valur tal-libertà jimplika, kemm impenn individwali biex teżerċita l-libertà b’mod responsabbli, kif ukoll impenn tal-Istat, li dejjem għandu r-responsabbiltà aħħarija biex jiżgura li s-soċjetà tagħna hija verament ħielsa.
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi temmen li, waqt li hemm bżonn serju li nagħrfu u nitolbu ndiema għar-responsabbiltà personali ta’ kull wieħed minna għall-qagħda tas-soċjetà tagħna llum, huwa wkoll essenzjali li nieħdu sehem f’azzjoni konkreta li ġġib il-bida.
F’sitwazzjoni kkunsidrata minn ħafna bħala ta’ disprament, aħna msejħin inkunu aġenti ta’ tama li nħabirku għall-ġustizzja u l-paċi, temmet tgħid il-Kumissjoni Ġustizzja u Paċi.
//= $special ?>