Ir-Russa li għamlet allegazzjonijiet dwar il-kumpanija Egrant u l-bank Pilatus fejn kienet taħdem u li akkużatu li kien jiffaċilita l-ħasil tal-flus għal persuni mill-Ażerbajġan u Maltin li huma esposti politikamenti, qed taffaċċja mandat ta’ arrest internazzjonali.
Dan wara li r-Russa Maria Efimova naqset milli tidher fil-Qorti biex tixhed dwar dawn l-allegazzjonijiet minħabba li ħarbet minn Malta fost biża’ għas-sigurtà tagħha.
Kien fil-bidu t’Awwissu li għadda li l-Pulizija marru għaliha fir-residenza privata tagħha u sabu li l-post kien tbattal mill-affarijiet personali tagħha. Kien propju l-Ispettur Jeffrey Scicluna li fl-Qorti ħabbar li nħareġ il-mandat t’arrest Ewropew u internazzjonali hekk kif kien qed jixhed fil-Qorti dwar dan il-każ.
Iżda l-aħbar wasslet għal rabja li whistleblower, minflok tiġi protetta, issa tinsab bil-Pulizija kollha Ewropej u madwar id-dinja jfittxuha.
Fid-dawl ta’ dan David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija fil-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, għamel appell biex tkun protetta l-whistleblower u biex immedjatament jiġu rtirati l-mandati ta’ arrest u li tingħata protezzjoni.
“Hu surreali li minflok tingħata protezzjoni, biex b’hekk hi tagħti l-informazzjoni kollha li taf lill-awtoritajiet, minflok qed tiġi soġġetta għal iżjed abbuż.”
Filwaqt li ddeskriviha bħala xhieda importanti għall-inkjesta maġisterjali li għaddejja, David Casa fakkar li fost l-oħrajn trid tiddetermina jekk hemmx l-involviment tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Egrant.
Innota wkoll li fl-istess żmien li kien qed jitħejja l-qtil makabru ta’ Daphne Caruana Galizia, missier ir-Russa li wkoll kienet sors tal-istess ġurnalista kien qed jiġi mhedded f’Moska.
Efimova saħansitra wissiet lil Daphne Caruana Galizia biex tagħmel bħalha u taħrab minn Malta għaliex beżgħet għaliha wkoll.
Fl-istqarrija tiegħu, David Casa ddikjara li fid-dawl tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-possibbiltà li nqatlet minħabba din l-istorja wkoll, “hu abbundantament ovju li s-sigurtà tal-whistleblower f’Malta ma tistax tiġi garantita.”
//= $special ?>

