Tliet ħallelin irnexxielhom jidħlu f’residenza ta’ mara u minn darha jisirqu b’madwar €5,000 fi flus u f’oġġetti oħrajn.
Il-każ seħħ fi Triq San Publija f’San Pawl il-Baħar. F’ħin minnhom il-mara fetħet il-bieb tad-dar u sabet tlett irġiel ta’ karnaġġjon skur, x’aktarx Għarab, li mbuttawha ‘l ġewwa u filwaqt li wieħed minnhom għamlilha idu ma’ ħalqha, żammha ostaġġ b’sikkina bil-ponta ma’ għonqha.
Sadattant iż-żewġ ħallelin l-oħrajn bdew iqallbu fil-kxaxen u fl-għamara li kien hemm fid-diversi kmamar ta’ din id-dar. Huma ripetutament heddew lill-mara biex tgħidilhom fejn kienu l-flus li kellha kif ukoll fejn kienu l-oġġetti – deheb u fided – prezzjużi li kellha fid-dar.
Il-mara, imwerwra u xxukkjata, indikat fejn kienet iżżomm il-flus tagħha u l-ħallelin baqgħu jqallbu u jfittxu biex wara ammont ta’ ħin telqu mid-dar tal-mara b’madwar €5,000 fi flus.
Jidher li l-ħallelin irnexxielhom jaħarbu mit-triq fejn għamlu s-serqa permezz ta’ karozza Citroen.
Bil-każ kienu infurmati l-Pulizija tad-Distrett li flimkien ma’ dawk tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) bdew l-investigazzjonijiet dwar din is-serqa.
Il-mara, b’qatgħa kbira fuqha ngħatat ukoll kura għax-xokk kbir li kellha fuqha.
//= $special ?>