Futbol Sport

Il-Perù l-aħħar tim li jikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja tal-2018

Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar 36 sena, il-Perù kkwalifikaw biex jilagħbu fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja. Dan wara li għelbu lil New Zealand fit-tieni leg tal-play-offs bi skor ta’ 2-0 biex b’hekk saru l-aħħar pajjiż minn total ta’ 32 li għaddew għat-turnament li se jsir sena oħra fir-Russja.

Fl-ewwel leg il-Perù kienu ġew draw 0-0 barra minn darhom u fit-tieni leg kisbu rebħa meritata.

Fl-Estadio Nacional kien l-attakkant veteran Jefferson FARFAN li fetaħ l-iskor fit-28 minuta hekk kif skurja b’xutt b’saħħtu li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper avversarju Stefan Marinovic isalva. Għal Farfan dan kien it-23 gowl tiegħu mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu.

Bir-reazzjoni ta’ New Zealand ma tasalx, mas-siegħa logħob kien id-difensur Christian RAMOS li skurja gowl ieħor biex issiġilla r-rebħa favur il-Perù. Mal-kwalifikazzjoni l-Gvern ħabbar jum ta’ festa nazzjonali.