Lokali

Issir mixja f’għeluq ix-xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Xahar wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, is-soċjetà ċivili mill-ġdid ingħaqdet, din id-darba għal mixja silenzjuża li matulha ntalbet ġustizzja.

F’messaġġi differenti li ġarrew magħhom id-dimostranti, huma għamluha ċara li ġustizzja li ssir tard mhix ġustizzja kif ukoll li mhux se jiġu msikkta mill-appelli tagħhom li jiġġieldu għal ġustizzja.

Wegħdu wkoll li jgħaddi kemm jgħaddi żmien, il-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mhux se jintesa’, inkluż biż-żamma tat-tifkira quddiem il-Qorti sakemm issir ġustizzja.

Fi tmiem il-mixja, dawk preżenti poġġew fjuri u weraq tar-rand quddiem il-monument tal-Assedju quddiem il-Qorti. Dan minbarra xemgħat madwar ritratt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.