Iż-Żimbabwe għadha maħkuma mit-tensjoni u l-inċertezza meta l-Armata baqgħet fil-kontroll tal-pajjiż u bl-Unjoni Afrikana (UA) tagħmilha ċara li hi qatt mhi se taċċetta l-ħtif tal-poter (fiż-Żimbabwe) mill-militar.
L-indikazzjonijiethuma li Robert Mugabe, il-President taż-Żimbabwe għal dawn l-aħħar 37 sena, qed jinżamm taħt arrest fid-dar tiegħu, fil-kapitali Harare.
Intant, Ministri tal-Gvern tal-Afrika t’Isfel marru f’Harare għal taħditiet ta’ kriżi mal-mexxejja militari taż-Żimbabwe kif ukoll ma’ Mugabe — b’dawn it-taħditiet isiru bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar il-futur taż-Żimbabwe.
Numru ta’ sorsi qrib it-taħditiet indikaw li Robert Mugabe, id-dittatur ta’ 93 sena li ilu personalità politika ewlenija mill-1980, seta’ kien qed jirreżisti l-pressjoni biex jirriżenja minn President. L-istess sorsi qalu li Mugabe insista li ‘hu għandu jitqies bħala l-Mexxej leġittimu taż-Żimbabwe’.
Filwaqt li l-belt ta’ Harare baqgħet iddominata bl-inċertezza kien għad fadal numru ta’ domandi dwar is-sigurtà tal-familja ta’ Mugabe. Dan fost rapporti inizjali, u mhux ikkonfermati, li l-First Lady taż-Żimbabwe, Grace Mugabe, kienet ħarbet lejn in-Namibja.
Fiż-Żimbabwe, fl-aħħar jiem, kienet għaddejja ġlieda għas-suċċessur potenzjali ta’ Mugabe, fejn il-protagonisti kienu Grace Mugabe u l-eks Viċi-President (u rivali) Emmerson Mnangagwa. Il-ġlieda kkaġunat firda kbira fil-Partit Zanu-PF fil-Gvern.
Uħud mill-membri tal-Oppożizzjoni fiż-Żimbabwe qalu li riedu ‘awtorità ta’ tranżizzjoni’ f’postha waqt li insistew dwar ‘l-urġenza li pajjiżhom jirritorna għal demokrazija’. Aktar tard ilbieraħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Morgan Tsvangirai, ħeġġeġ ‘għar-riżenja ta’ Robert Mugabe’.
Intant, l-istazzjonijiet televiżivi u tar-radju tal-Istat fiż-Żimbabwe irritornaw għall-programmi regolari, b’numru ta’ bullettini ma jindikawx daqstant it-taqlib politiku. U filwaqt li xi gazzetti ta’ sidien privati indirizzaw ‘it-tmiem possibbli tat-tmexxija ta’Robert Mugabe’, is-sinjali miż-Żimbabwe mhumiex jindikaw xi rewwixta popolari.
Diversi korrispondenti, fl-istess ħin, qalu li ħafna nies aċċettaw ‘li Robert Mugabe jinsab fil-fażi fejn qed jitneħħa mill-poter’. Iżda sorsi oħrajn, ma jeskludux li Mugabe jista’ jibqa’ hemm ‘fuq bażi nominali’ sakemm isir il-kungress tal-partit f’Diċembru – fejn Emmerson Mnangagwa, x’aktarx, jieħu postu formalment bħala l-Kap ta’ Zanu-PF u mexxej nazzjonali.
//= $special ?>

