Lokali Parlament

Konsulenza ta’ €580,000 għad-deputat Laburista Robert Abela minn entitajiet tal-gvern

Minn wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013, il-kumpanija legali tad-deputat Laburista u esponent ewlieni Laburista Robert Abela – ‘Abela Advocates’ – akkwistat is-somma ta’ €580,737 minn konsulenzi mogħtija minn diversi awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern.

Minn mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, jirriżulta li l-kumpanija legali tad-deputat Laburista Robert Abela ingħatat xogħol ta’ konsulenza minn Transport Malta u mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Mit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari jirriżulta li fl-2016 minn Transport Malta, il-kumpanija tal-Avukat Robert Abela ħadet is-somma ta’ €14,000 għal xogħlijiet ta’ servizzi legali relatati mal-kuntratt tal-marina ta’ Sa Maison.

L-akbar ammont ta’ konsulenza mogħtija mill-Avukat Robert Abela kienet fl-Awtorità tal-Ippjanar fejn sa Lulju 2013 il-kumpanija ttiegħu kienet ingħatat €51,560 waqt li minn Awwissu 2013 l-kumpanija ingħatat €36,883.

Għall-konsulenza fl-istess Awtorità tal-Ippjanar il-2014 l-kumpanija ta’ Robert Abel tħallset €88,520, fl-2015 tħallset €110,543 waqt li fl-2016 tħallset €168,598.

Sa Settembru 2017, mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-kumpanija legali ta’ Robert Abela ngħatat xogħol ta’ konsulenza fl-ammont ta’ €110,633.

Wara l-aħħarr lezzjoni kien rapportat li d-deputat Laburista Robert Abela irrifjuta l-offerta tal-Prim Ministru li jkun maħtur Segretarju Parlamentari iżda aċċetta li jkun appuntat konsulent legali personali tal-Prrim Ministru Jospeh Muscat.

Sieħba fil-kumpanija legali tad-deputat Laburista Robert Abel hemm martu, Lydia Abela, is-Segretarju Eżekuttiv tal-PL.