Il-Federazzjoni tal-Futbol fl-Istati Uniti qed tikkunsidra li torganizza turnament ta’ ħbiberija bejn it-timijiet li ma għaddewx għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
Dan wara li bejn il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis sar magħruf l-aħħar tim li għadda għat-Tazza tad-Dinja u b’hekk fl-istess waqt saru magħrufa t-timijiet kollha li mhux se jkunu qed jikkompetu fit-turnament li se jsir sena oħra fir-Russja.
Bla dubju l-akbar sorpiża hi li l-Italja se tkun wieħed mit-timijiet li mhux se jkun preżenti fl-aktar turnament prestiġjuż tal-futbol.
Din se tkun l-ewwel darba sa mill-1958 li l-Italja mhux se tilgħab fit-Tazza tad-Dinja. Ironiakament dan se jseħħ 12-il sena wara li l-istess Italja rebħet it-Tazza tad-Dinja.
Minbarra l-Italja naqqsu milli jikkwalifikaw timijiet bħal ma huma l-Olanda u ċ-Ċili.
Dawn tal-aħħar kienu qed juru futbol mill-aqwa u f’dawn l-aħħar snin rebħu darbtejn il-Copa America.
L-Olanda, fil-passat spiċċat runner-up fit-Tazza tad-Dinja għal tliet darbiet bl-aħħar darba tkun fl-2010 meta dakinhar tilfet il-finali kontra Spanja.
Timijiet oħra li ma għaddewx għat-Tazza tad-Dinja huma Wales, l-Iskozja, t-Turkija, l-Greċja u r-Repubblika Ċeka.
L-Istati Uniti mhux se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja wara li xahar ilu tilfu kontra Trinidad u Tobago. Żewġ timijiet oħra ġganti fl-Afrika li mhux se jkunu qed jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja huma l-Ghana u l-Ivoary Coast.
Jidher li jekk kemm-il darba dan it-turnament isir, il-FIFA se tordna li dan ma jsirx fl-istess data li fiha se tkun qed tintlagħab it-Tazza tad-Dinja, jiġifieri bejn l-14 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Lulju.
Jekk din l-idea sseħħ wieħed irid jara wkoll jekk il-kowċis tat-timijiet rispettivi hux se jilagħbu bil-plejers titulari jew jagħżlu plejers oħra biex jiksbu esperjenza utli fix-xena internazzjonali.
//= $special ?>