Il-poplu tal-Greċja qegħdin josservaw perjodu ta’ luttu nazzjonali wara l-konsegwenzi katastrofiċi ta’ għargħar li, f’nofs il-ġimgħa, laqgħat liz-zoni taċ-ċentru għall-għarrieda, fost l-imwiet u ‘il-widien tal-istraġi’ sussegwenti.
Skont l-aħħar statistika, l-għargħar ħalla tal-anqas 15 mejtin, biċ-ċifra mistennija titla’ meta l-iskwadri għall-emerġenza kienu qed iduru fl-ibliet industrijali ta’ Mandra, Nea Peramos u Megara (lejn il-Punent ta’ Ateni) li ġarrbu l-akbar l-impatt tat-traġedja.
Jidher li ħafna mill-mejtin kienu anzjani li nstabu qalb ir-residenzi mgħarrqin, bit-toroq tal-ibliet jinbidlu fi xmajjar tat-tajn f’ħakka ta’ għajn.
Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, ħabbar żmien ta’ luttu nazzjonali bħala ‘l-anqas ħaġa li seta’ jagħmel f’din is-sitwazzjoni’. Hu wiegħed għajnuna lill-vittmi li ma jistgħux jirritornaw lejn djarhom bil-għan li huma jkollhom akkommodazzjoni xierqa.
L-awtoritajiet f’Mandra qalu li ‘ir-residenti lokali tilfu kollox f’dan id-diżastru fuq livell bibbliku’. Dan fost konferma li għexieren ta’ nies ttieħdu lejn l-isptar minħabba l-effetti tal-għargħar u meta numru ta’ persuni għadhom neqsin.
Il-Greċja kienet ilha l-aħħar jiem taħt il-maltemp, iżda jidher li l-aħħar ħalbiet tax-xita qawwija kkaġunaw l-għargħar qattiel li r-residenti tal-ibliet ma kenux ippreparati għalih.
//= $special ?>


