Lokali

Min huma l-Biafrani? Dimostrazzjoni mill-immigranti li l-antenati tagħhom inqatlu bil-ġuħ

Protesta żgħira li saret fil-Belt Valletta kmieni dalgħodu

Grupp ta’ persuni indiġeni ta’ stat mhux rikonoxxut bl-isem ta’ Biafra, li llum hu parti min-Niġerja, il-Ħamis inġabru fil-Belt Valletta fejn talbu biex pajjiżhom mill-ġdid isir pajjiż indipendenti.

Il-Biafra hu stat mhux rikonoxxut li eżista bejn Mejju tal-1967 u Jannar tal-1970. F’dak iż-żmien kien rikonoxxut formalment mill-Gabon, il-Haiti, il-Kosta tal-Ivorju, it-Tanżanija u ż-Żambja u appoġġjat mill-Iżrael, Franza, Spanja, il-Portugall, in-Norveġja, ir-Rhodesia, l-Afrika t’Isfel kif ukoll il-Vatikan.

F’Awwissu tal-1967 ċittadini tal-Biafra kienu wettqu offensiva li wasslet biex okkupaw diversi żoni u l-ġlieda tagħhom wasslet għal diversi tensjonijiet ekonomiċi, etniċi, kulturali u reliġjużi.

Iżda l-ġlieda kienet waħda diżastruża għal dan il-poplu. Il-Gvern Niġerjan iżola t-territorju bil-konsegwenza li mietu mal-miljun ċittadin ta’ Biafra, mhux biss minħabba l-ġlied imma wkoll minħabba l-ġuħ. Finalment dan il-poplu ma kellux għażla ħlief li jċedi lill-Gvern Militari Federali tan-Niġerja.

It-tbatija li għadda minnha l-poplu ta’ Biafra saħansitra wasslet għat-twaqqif talorganizzazzjoni umanitarja internazzjonali Medecins Sans Frontieres iżda matul dak il-perjodu membri tal-istess organizzazzjoni, voluntiera mediċi Franċiżi kif ukoll sptarijiet u professjonisti mediċi mill-Biafra sfaw attakkati mill-armata Niġerjana.

Iżda l-kwistjoni ma waqfitx fl-1970. Riċentament kien hemm rapporti li l-Gvern Niġerjan ħareġ ordni biex il-militar jispara u joqtol lil lealisti tal-Biafra.

Sa llum diversi gruppi għadhom jistinkaw għall-indipendenza tal-Biafra għalkemm din il-kampanja mhix immexxija minn xi awtorità ċentrali iżda hemm diversi gruppi li qed jagħmlu din it-talba. Ħafna minn dawn il-gruppi huma mmexxija minn barra l-pajjiż minn ċittadini li fi żmien il-gwerra ħarbu min-Niġerja.

Fin-Niġerja riċentament kien hemm ukoll żieda fil-protesti għal din il-kawża kif ukoll diversi rapporti ta’ separatisti tal-Biafra li nqatlu minkejja li ma kinux armati.