Lokali

“Pazjenti ta’ Monte Karmeli ma jistgħux jiġu trattati bħallikieku tat-tieni klassi” – PN

Hu inaċċettabbli li l-iktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà, u allura dawk li l-iktar għandhom bżonn tal-aqwa kura, jgħixu f’sitwazzjoni degradanti u mhux dinjituża’.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta din is-sitwazzjoni.

Iżda għall-kuntrarju l-Gvern lanqas imqar aċċetta t-talba tal-Oppożizzjoni li tinħatar inkjesta maġisterjali dwar il-mewt kawża tal-leġjonella ta’ pazjent mill-Isptar Monte Karmeli kawża wkoll ta’ nuqqas ta’ sanità u manutenzjoni f’dan l-isptar.

Fl-istess waqt li Vitals Global Healthcare qed jirċievu mas-€70 miljun għal 3 sptarijiet, il-gvern Laburista qed jixxaħħaħ ma’ pazjenti bħal dawk f’Monte Karmeli li qed jgħixu bħallikieku huma tat-tieni klassi.

Min-naħa tagħha Maria Deguara, Shadow Minister tal-Anzjani u Persuni b’Diżabiltà, innutat li l-istatistika turi li l-inċidenza ta’ mard mentali qed tiżdied u se tkompli tiżdied tant li l-ispiża medika se taqbeż dik ta’ kwalunkwe marda oħra.

Fakkret kif Gvern Laburista wiegħed li jibni sptar ġdid iżda mhux talli dan ma seħħx anzi waqfet anke l-manutenzjoni f’Monte Karmeli, il-ħidma biex il-pazjenti ta’ dan l-isptar jiġu ntegrati u ftit li xejn żdiedu l-mediċini offruti b’xejn.

Anke’ r-rikoveru ta’ tfal bi problemi ta’ saħħa mentali qed isir fi struttura mhux moderna jew dinjituża.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, Stephen Spiteri ddikjara li bħalma l-Oppożizzjoni qablet mal-abbozz ta’ liġi biex tingħata ċittadinanza lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, tappoġġja wkoll il-bini ta’ sptar għall-kura ta’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali qrib l-Isptar Mater Dei biex b’hekk tkun żgurata kura ħolistika.

Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni ta’ emerġenza fejn pazjenti minn Monte Karmeli li se jinfirxu f’residenzi għall-anzjani, li fakkar li mhux attrezzati biex jagħtu l-kura speċjalizzata li dawn il-pazjenti għandhom bżonn.

Appella wkoll għal risposti ċari u rapporti dwar il-kura li dawn il-pazjenti suppost kienu qed jingħataw fl-Isptar Monte Karmeli.