Internazzjonali

Pittura ‘ta’ Da Vinci’ tinbiegħ għal $450 miljuni

Pittura ta’ Kristu li tmur lura 500 sena u li jingħad li produċiha l-artist leġġendarju Leonardo da Vinci, inbiegħet fi New York għas-somma rekord ta’ $450 miljuni ( aktar minn 350 miljun ewro).

Il-pittura hi magħrufa bħala Salvator Mundi (Salvatur tad-Dinja) u waqt li x-xerrej, jew xerrejja, ma kenux magħrufa , l-osservaturi qed jaħsbu li dan ix-xogħol ta’ Da Vinci ‘jista’ hu destinat għall-Asja jew xi pajjiż tal-Golf, bħal Abu Dhabi’.

L-irkant tmexxa mill-irkantatur Christie’s u l-prezz tas-Salvator Mundi hu l-akbar wieħed li qatt kien impenjat fi proċess ta’ dan it-tip għall-bejgħ tal-biċċiet tal-arti.

Leonardo da Vinci miet fl-1519 u l-esperti tal-arti jaqblu li jeżistu anqas minn 20 pittura minn tiegħu. L-indikazzjonijiet huma li s-Salvator Mundi kien konkluż ‘wara l-1505’ u li hu l-uniku xogħol ta’ Da Vinci li ‘x’aktarx spiċċa f’idejn kollezzjonista privat’.

L-istess pittura, fl-1958, kien inbiegħ waqt irkant f’Londra għall-prezz miżeru ta’ 45 lira Sterlina. Intant, il-prezz ta’ $450 miljun għas-Salvador Mundi jibqa’ straordinarju, meta hemm anki uħud li kkuntestaw il-kundizzjoni kif ukoll l-awtentiċità ta’ din il-pittura.