11,546 persuna ġabru d-dokument tal-vot fl-elezzjoni għaż-żewġ Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista hekk kif is-Sibt issir din l-elezzjoni.
Għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament qed jikkontestaw id-Deputat David Agius u d-Deputat Edwin Vassallo. Għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit qed jikkontestaw id-Deputat Robert Arrigo u d-Deputat Toni Bezzina.
Id-dokumenti tal-vot setgħu jinġabru matul l-aħħar ġimgħatejn u b’kollox kienu ftit aktar minn 11,500 persuna li ġabru d-dokumenti tal-vot u b’hekk jistgħu jew jivvutaw fl-elezzjoni tas-Sibt, jew inkella diġà vvutaw fl-early voting tas-Sibt li għadda.
Filfatt, is-Sibt li għadda vvutaw mal-2,500 tesserat tal-Partit Nazzjonalista fil-votazzjoni kmieni.
Intant, l-elezzjoni tas-Sibt se ssir kemm f’Malta kif u koll f’Għawdex. F’Malta, l-il-votazzjoni ssir jew fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà, jew fil-każin ta’ Ħal Tarxien, jew fil-parking ta’ quddiem is-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. F’Għawdex, il-votazzjoni tista’ ssir biss fis-Sub-Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat.
Filwaqt li l-ħinijiet tal-votazzjoni f’Malta huma bejn it-8 ta’ filgħodu u d-9 ta’ filgħaxija, il-votazzjoni f’Għawdex hija bejn it-8 ta’ filgħodu u s-7.30 ta’ filgħaxija.
Kull min imur jivvota għandu jieħu miegħu d-dokument tal-vot kif ukoll dokument ta’ identifikazzjoni.
Matul il-ġurnata, NET News se jkun qed ixandar numru ta’ aġġornamenti dwar l-andament tal-elezzjoni, u filgħaxija se jixxandar programm speċjali li jibqa’ għaddej sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni.
//= $special ?>