Għat-tieni sena konsekuttiva, Kelma u Kelma u l-Fondazzjoni Inspire ngħaqdu flimkien biex joħolqu proġett artistiku, bit-tama li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà.
Kelma Kelma ħarġet bi 12-il ċajta sempliċi bil-Malti, waħda għal kull xahar tas-sena, filwaqt li 12-il artist lokali ħolqu arti biex jinterpreta dik iċ-ċajta. Permezz ta’ dawn, inħoloq kalendarju ta’ 12-il paġna li se jkun qed jinbigħ b’risq l-Inspire. Barra minhekk, ix-xogħolijiet tal-arti se jkunu qed jiġu rkantati għall-istess kawża.
L-artisti parteċipanti huma Nadine Noko, Hayley Acreman, Ġorg Mallia, Debbie Caruana Dingli, Mark Sciclua, Moira Zahra Scicluna, Saviour Baldacchino, Berivan Serin, Bruce Micallef Eunayd, Marisa Attard, Sam DeGaetano u Hannah Galea.
Il-kalendarju jista’ jinxtara mis-sit elettroniku tal-Fondazzjoni Inspire għall-prezz ta’ €6.50, fosthom l-ispejjeż tal-posta f’Malta u f’Għawdex. Il-kalendarju se jkun disponibbli wkoll għall-bejgħ fl-Uffiċċji tal-Posta ta’ Malta.
Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Inspire u Kelma Kelma rringrazzjaw lill-imsieħba u lill-isponsors tagħhhom: il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Kummissjoni Ewropea, Mapfre Middlesea, Maltapost u Café Elia.
Ix-xogħolijiet tal-arti, li qed jiġu rkantati, qed jiġu esebiti f’Café Elia, fi Triq il-Kbira, il-Ħamrun (quddiem il-Knisja ta’ San Gejtanu). L-irkant jinsab ukoll onlajn.
Il-Fondazzjoni Inspire qalet li temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni, bil-missjoni li tgħin lil kull persuna b’diżabbiltà. Dan isir permezz ta’ servizzi edukattivi, terapewtiċi u ta’ rikreazzjoni lil persuni u anke lill-familjari tagħhom.
Inspire tippromovi l-inklużjoni lill-pubbliku ġenerali u taħdem biex tqajjem kuxjena fl-iskejjel u fil-postijiet tax-xogħol.
Illum il-ġurnata, Inspire tgħin kważi 1,000 persuna b’diżabbiltajiet differenti, bħal Down Syndrome, Cerabal Palsy u Awtiżmu, fost l-oħrajn. Il-Fondazzjoni toffri diversi servizzi u programmi, offruti b’rata ssussidjata ħafna jew anke bla ħlas.
Għal aktar informazzjoni u biex tixtri l-kalendarju, żur www.inspire.org.mt.
//= $special ?>