Il-Presepju Malti li ntrama f’Pjazza San Pietru fil-Vatikan fil-Milied li għadda se jintrama qrib ħafna tal-post fejn seħħet ix-xena vera tan-natività ta’ Ġesù Bambin ġo Betleħem. Din l-inizjattiva se timmarka l-imħabba kbira tal-poplu Kattoliku Malti għall-post fejn twieled il-Messija.
L-awtoritajiet tal-belt sabuha bi tqila għal bidu jagħtu l-approvazzjoni għat-talba tal-Gvern Malti minħabba l-klima sensittiva fil-belt, partikolarment bil-kulturi u r-reliġjonijiet differenti. Iżda ħajr għall-influwenza tal-Kustodju tal-Knisja tan-Natività u l-Patrijiet Franġiskani Maltin, l-awtoritajiet għarrfu s-sbuħija ta’ dan ix-xogħol mill-isbaħ tal-arti tal-artist Għawdxi, Manwel Grech, li kien mgħejun minn xi ħbieb tiegħu, u laqgħu t-talba.
Fost ix-xeni li wieħed jilmaħ mill-pajsaġġ Malti fil-presepju, wieħed isib dar bil-gallerija bis-salib tal-Kavallieri, personaġġi lebsin l-ilbiesi tan-newl, luzzu bis-snajja’ tas-sajjieda madwaru, girna, mitħna u ħafna għodod li jinstabu f’irziezet lokali. L-Insara f’Betleħem se jesperjenzaw ukoll xena tal-purċissjoni tal-Bambin ta’ Lejlet il-Milied u lil San Ġorġ Preca, li ntroduċa din il-purċissjoni lill-membri tal-M.U.S.E.U.M.
//= $special ?>