Numru ta’ entitajiet marittimi u tal-yachting f’Malta ngħaqdu flimkien biex iwieġbu ittra mibgħuta lil Malta mill-Kummissjoni Ewropea u li fiha jitqajmu dubji dwar skema ta’ taxxa f’Malta għal min jikri yachts ta’ ċertu kobor.
L-ittra oriġinali kienet intbgħatet lill-Ministru Edward Scicluna mill-Kummissarju Ewropew responsabbli mit-tassazzjoni Pierre Moscovici li fiha talab kjarifika dwar skema fejn sidien ta’ yachts ikbar minn 23 metru, iħallsu VAT ridott ta’ 5.4% minflok 18% jekk dawn il-yachts ikunu jintużaw għall-kiri fit-tul.
Fir-risposta tal-entitajiet marittimi u tal-yachting f’Malta, ffirmata fost oħrajn mill-President tal-Malta Maritime Law Association Ann Fenech, ġie ċċarat li m’hemm xejn kontra l-liġi dwar din ir-rata ta’ taxxa għal min jikri yachts ta’ dak il-kobor, anzi, ir-rata hija bbażata fuq prinċipju tal-liġi Ewropea stess li jippermetti lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea li jillimitaw il-VAT fuq għoti ta’ servizzi li jkun limitat sal-porzjon li jkun jirrifletti l-użu u t-tgawdija ta’ dak is-servizz fl-Unjoni Ewropea.
L-ittra, ffirmata wkoll mill-Malta Maritime Forum, mit-taqsima tal-Yachting fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ u mis-Super Yacht Industry Network Malta, iżżid li l-istess prinċipju ta’ tassazzjoni użat f’Malta għal dik l-iskema, huwa applikat ukoll fi skemi ta’ tassazzjoni f’numru ta’ pajjiżi oħra, fosthom Franza u l-Italja.
L-erba’ entitajiet marittimi Maltin qalu fir-risposta tagħhom li hu grazzi ta’ dan kollu li żdiedet l-attività fil-qasam tal-yachting fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea – xi ħaġa li żżid ukoll l-attività fil-qasam marittimu b’mod ġenerali u b’mod partikolari fl-industrija tal-marine leisure.
L-entitajiet marittimi qalu wkoll li l-industrija tal-yachting hija waħda mill-industriji marittimi f’Malta flimkien ma’ oqsma oħra fl-istess industrija li flimkien jagħmlu lil Malta ċentru importanti għall-yachting li jgħaqqad il-Lvant u l-Punent tal-attività tal-yachting fil-mediterran. L-entitajiet marittimi Maltin qalu li huwa importanti li l-Unjoni Ewropea tifhem dan kollu, fl-interess tal-politika Ewropea għall-qasam marittimu stess.
//= $special ?>