Lokali

FILMAT: Adrian Delia jħabbar li Ivan Bartolo se jkun responsabbli minn ‘Business Development’ fil-PN

"Kollox qed isib postu" - Adrian Delia

Ivan Bartolo se jkun qed jieħu ħsieb l-iżvilupp ta’ taqsima dwar ‘Business Development’ fil-Partit Nazzjonalista bl-iskop li l-partit ikun jista’ jiżviluppa lilu nnifsu bħala partit li jħares ‘il quddiem b’viżjoni u professjonalità.

Dan tħabbar mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jitkellem fil-programm ‘NET Live’ fuq NET Television. Hu kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ġdid tal-kumpanija Media.Link Pierre Portelli.

Adrian Delia qal li din se tkun waħda mill-areas ġodda fil-Partit Nazzjonalista. Kien hawnekk fejn irrefera għal numru ta’ deċiżjonijiet oħra li ttieħdu bi ħsieb, fosthom li jkun hemm Diretturi fil-Partit Nazzjonalista li jieħdu post il-kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali.

Adrian Delia rrefera għal deċiżjonijiet oħra li ttieħdu – fosthom li Pierre Portelli jinħatar Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Media.Link, u qal li d-deċiżjonijiet kollha li qed jittieħdu, qed jittieħdu bil-ħsieb li l-oqsma kollha fil-Partit Nazzjonalista jkunu kollha ffukati, u b’irwoli u responsabilitajiet ċari u preċiżi.

Hu temm jgħid li issa kollox qed isib postu biex sal-aħħar ta’ din ix-xahar, il-Partit Nazzjonalista jkun lest mhux biex jimxi biss, iżda biex jiġri.

Min-naħa tiegħu, Pierre Portelli qal li d-deċiżjoni li l-fergħa kummerċjali tal-Partit tinżamm separata mill-irwol ta’ Segretarju Ġenerali ittieħdet konxjament biex kemm il-Kap Eżekuttiv kif ukoll is-Segretarju Ġenerali jkunu jistgħu jissaħħu fl-irwoli rispettivi tagħhom.

L-intervista mill-preżentatriċi Lisa Spiteri saret f’għeluq ix-xahrejn minn meta Adrian Delia nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista, u matulha tħabbar li se tkun qed issir Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista nhar l-10 ta’ Diċembru 2017 bit-tema “Jien Lest li Ngħin”.