Lokali

‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ għall-Monsinjur Lawrenz Cachia

Il-Monsinjur Żebbuġi, Lawrenz Cachia, ġie onorat bil-midalja tad-deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ waqt ċeremonja tal-investitura mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. L-Akkademja tal-Malti ta’ kull sena tonora b’midalja tad-deheb lil dik il-persuna li tul ħajjitha tkun ħadmet bis-sħiħ u tat kontribut eċċezzjonali biex jiżdied l-interess fl-ilsien Malti u l-letteratura tagħha.

Cachia ggradwa mill-Università ta’ Malta fit-Teoloġija u beda jqaddes fl-1956. Serva bħala Kappillan tal-Gudja bejn l-1959 u l-1963 u Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ bejn l-1963 u l-1983. Fit-22 sena ta’ wara serva bħala membru tat-Tribunal taż-Żwiġijiet sal-2006.  Huwa nħatar Monsinjur tal-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan fl-1994.

Fil-qasam letterarju, Monsinjur Lawrenz Cachia ppubblika għadd ta’ kotba dwar kittieba u lingwisti Żebbuġin bħalu; Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali, u Mikiel Anton Vassalli. Ma’ dawn ħareġ xi studji oħrajn li jitrattaw l-ilsien Malti fosthom ‘L-Ilsien Malti: Ilbieraħ u Llum’ (1994) u edizzjoni tal-Ewwel Dizzjunarju Malti tal-Kavallier Thesan (1999). It-traduzzjoni tal-Kantiku Spiritwali ta’ San Ġwann tas-Salib (1991) u ‘Il-Bibbja bħala Letteratura’(2001) huma 2 kotba fost oħrajn ta’ natura reliġjuża li ħareġ.

Bħala apprezzament għall-ħidma tiegħu favur ilsien pajjiżu, fl-1996 il-Gvern Malti onora lil Monsinjur Cachia bħala membru tal-Ordni tal-Mertu.