Internazzjonali

AĠĠORNATA: Imut il-kap ta’ Cosa Nostra Toto Riina; għamel żmien jgħix f’Għawdex

Salvatora Riina, li allegatament qatta' xi żmien jgħix f'Għawdex, kellu 87 sena

Salvatore ‘Toto’ Riina, magħruf għal snin bħala l-Kap Ewlieni tal-Mafja fi Sqallija, miet bil-marda tal-kanċer, fi sptar ta’ Parma.

Riina, li kellu 87 sena, kien ilu snin twal marid, għalkemm xorta kien għadu meqjus minn ħafna bħala ‘ il-Kbir ta’ Cosa Nostra’. Hu kien is-simbolu tal-mafja fi Sqallija, b’mod partikulari l-belt ta’ Corleone fejn kien trabba.

Fil-bidu tas-snin Disgħin kien jingħad illi Toto Riina xtara razzett f’Għawdex, u li kien akkwistat f’isem martu. Rapporti li kienu ħarġu fl-1993 kienu jindikaw li Riina għamel saħansitra żmien jgħix Għawdex. Dan meta hu kien maħrub mill-ġustizzja Taljana.

Toto Riina kien qed jiskonta xejn anqas minn 26 sentenza ta’ priġunerija għal għomru u jaħsbu li hu, fi żmienu bħala kap mafjuż, kien ħareġ direttivi personali għal aktar minn 150 omiċidju.

Riina kien dam kważi kwart ta’ seklu jiżgiċċa lil-liġi qabel intefa’ il-ħabs fl-1993. Intant, fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu, il-kap kriminali kien qed jinżamm f’koma artifiċjali, b’familtu tingħata permess speċjali biex iżżuru fit-taqsima tal-isptar riservat għall-ħabsin f’Parma.

Iżda bla dubju l-aktar omiċidji ta’ profil għoli li jibqa’ assoċjat magħhom Toto Riina kienu dawk taż-żewġ maġistrati anti-mafja, Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, li nqatlu t-tnejn fl-1992. Il-maġistrati, li fis-snin tmenin kienu ressqu għexieren ta’ mafjużi għall-ġustizzja, inqatlu bħala parti mill-‘gwerra’ li mexxa Toto Riina kontra l-Istat Taljan. L-istess Kap mafjuż kien inqabad mill-awtoritajiet sena wara l-qtil tal-maġistrati.

Fl-1993, l-assoċjati kriminali ta’ Toto Riina wettqu sensiela ta’ splużjonijiet fl-ibliet ta’ Ruma, Milan u Firenze li kienu ħallew numru ta’ mejtin. Ingħad li l-isplużjonijiet saru, f’parti, bi protesta għall-arrest ta’ Riina.