F’għeluq l-ewwel xahar mill-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Ħamis filgħaxija saret quddiesa fil-Katidral ta’ San Pawl, fl-Imdina.
Il-quddiesa kienet organizzata mis-sorijiet Dorotej, u minn ex-studenti ta’ l-iskola St Dorothy’s, sabiex ifakkru l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia li kienet studenta f’din l-iskola, b’sens ta’ solidarjeta’ mal-familja tagħha.
Dawk preżenti sellmu l-memorja ta’ Daphne li, bil-kitba tagħha, kienet qiegħda twassal messaġġ qawwi – li l-kriminalita’ u l-imġieba ħazina m’għandhomx post fis-soċjeta’ tagħna, u li għandna naħdmu flimkien għal soċjeta’ iktar nadifa, għall-integrita’ u għall-onesta’ fil-ħajja privata u wisq iktar fil-ħajja pubblika.
“Xahar ilu nqatlet waħda minna, u l-komunita’ tad-Dorotej hija mnikkta b’din it-traġedja li laqtet lil waħda minn uliedha. Iżda flimkien, u bl-għajnuna ta’ Alla, nistgħu ngħelbu dan il-mument ta’ niket u ta’ telfa u nħarsu l-quddiem sabiex inkomplu ngħixu kif għallmuna s-sorijiet: fis-sempliċita’ u l-imħabba, u billi nerħu ħajjitna f’idejn Alla, sabiex permezz tat-talenti li tana, jkun jista’ jwettaq il-pjan tiegħu għalina u għal dawk ta’ madwarna,” kien dan il-messaġġ tas-sorijiet tad-Dorotej lil dawk li kienu preżenti għal quddies.
//= $special ?>