Il-President taż-Żimbabwe, Robert Mugabe, għamel l-ewwel dehra fil-pubbliku mindu l-Armata ħadet ir-riedni fil-pajjiż f’nofs il-ġimgħa.
Mugabe, li ilu l-aħħar jiem miżmum taħt arrest f’daru, attenda għal ċerimonja tal-gradwazzjoni li saret f’università ewlenija fil-kapitali Harare. Intant, il-militar qalu li kienu għaddejjin ‘bit-taħditiet u l-kuntatti’ mal-President u li l-pubbliku kellu jkun aġġornat dwar ir-riżultat tat-taħditiet ‘mill-aktar fis possibbli’.
L-Armata taż-Żimbabwe ħadet il-kontroll tal-pajjiż waqt l-eqqel ta’ ġlieda bejn ir-rivali ewlenin għall-poter li qed jittamaw li jilħqu fit-tmexxija wara Mugabe. Ir-rivali huma Grace Mugabe, il-mara tal-President u Emmanuel Mnangagwa, li kien tkeċċa minn Viċi-President taż-Żimbabwe u li issa qed jitqies bħala President suċċessur potenzjali.
Intant, Robert Mugabe, li hu wkoll il-Kanċillier tal-Università f’Harare, inawgura ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni fejn spikka n-nuqqas ta’ martu, Grace, kif ukoll tal-Ministru għall-Edukazzjoni, Jonathan Moyo, li hu alleat politiku tal-First Lady taż-Żimbabwe.
Fl-istess ħin, id-dehra ta’ Robert Mugabe fil-pubbliku kompla jżid l-element tal-konfużjoni dwar il-futur tiegħu.
Il-militar taż-Żimbabwe, effettivament, ilu talanqas tlett ijiem fil-kontroll tal-pajjiż u qed imexxi t-taħditiet ma’ Mugabe bl-għajnuna ta’ medjatauri mill-Afrika t’Isfel.
Għalkemm Mugabe qed jirreżisti għas-sejħiet biex iwarrab immedjatament mill-Presidenza, hu qiegħed jiffaċċja pressjoni mingħajr preċedent biex jitlaq wara kważi 40 sena ta’ tmexxija.
//= $special ?>

