L-eks Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy ħabbar li se jkun qed jieħu azzjoni legali kontra l-bord tal-PBS wara li skont hu, keċċewh inġustament. Hu ħabbar dan meta kien qed jiġi intervistat minn Rachel Attard fil-programm ‘InDepth’ ta’ The Malta Independent.
John Bundy tneħħa minn Kap Eżekuttiv wara ftehim ma’ kumpanija lokali għall-bejgħ ta’ karozzi qodma tal-PBS u l-kiri ta’ oħrajn ġodda mingħajr ma ħareġ tender bl-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS.
“Qed nippretendi u nitlob li l-bord tal-PBS inaddafli ismi mill-insinwazzjonijiet u l-ħmieġ li prova jpinġini li jien għamilt meta jien, flimkien mat-team tal-PBS, ġibna l-aħjar kuntratt ta’ procurement għall-kumpanija, u sodisfatt li ġibnih, imma prova jpinġih li jien, wara dak il-procurement kont qed nagħmel xi ħaġa qarrieqa,” qal John Bundy.
Bundy qed jinsisti li mhux talli għamel l-aqwa deal possibbli għall-PBS bl-akbar trasparenza, iżda tul il-proċess kollu mill-bidu sal-aħħar kellu miegħu lill-Financial Controller u l-Procurement Manager tal-PBS – li qatt ma qalulu li kellu joħroġ tender.
“Jiena kelli financial controller u procurement manager miegħi. Dawn kienu dejjem preżenti miegħi, għalkemm ħadu ġurament u qalu li kienu sidelined, għalkemm ħadu ġurament u qalu li wissewni kemm ‘il darba li jien ridt mmur għal tender. Din hija gidba,” insista Bundy. “Meta ftehmna u għalaqna kolllox, iż-żewġ sinjuri li kelli miegħi, il-financial controller u l-procurement manager, iffirmaw dan l-agreement miegħi,” żied jgħid.
Il-ftehim sar ma’ Burmarrad Commercials għall-kiri ta’ 14-il karozza għal tmien snin, skont John Bundy, bi prezz ta’ 12-il ewro kull karozza kuljum, li jammontaw għal ħames mitt elf ewro.
“Hija tal-mistħija li tpoġġi s-somma ta’ 500,000 fil-media biex tiskura lil xi ħadd li biha dik għamel xi ħaġa ħażina, jew li biha prova jagħmel xi ħaġa biex jew jixxaħħam, jew jikkorrompi ruħu. Hija viljakkerija,” qal John Bundy.
Kemm-il darba waqt il-programm, Bundy rrepeta li l-PBS kien jaf b’kollox, iżda ħadd qatt ma kellmu.
“Jekk kienet qed issir xi ħaġa ħażina, li ma kien qed isir xejn ħażin, miegħi kelli procurement manager u financial controller kontinwament għal dawn il-laqgħat, għaliex ħadd ma tkellem?” staqsa John Bundy.
Waqt il-programm, Bundu ħareġ dokument fejn il-bord tal-PBS faħħru għat-tmexxija tiegħu, f’rapport li fih kien hemm miktub li kienet qed issir ħidma biex jinġiebu karozzi ġodda – rapport iffirmat miċ-Chairman tal-bord tad-diretturi tal-PBS Tonio Portughese.
John Bundy qal li minkejja li l-bord l-PBS kien jaf b’kollox, ħadd ma semmielu xejn meta fis-16 ta’ Awwissu li għadda kellu l-aħħar laqgħa mal-bord, li fiha ġiet diskussa l-iskeda tat-televixin. Bundy żied jgħid li wara dik il-laqgħa, saru laqgħat oħra minn wara daru u baqa’ ma jiġi nfurmat b’xejn sakemm fl-aħħar tkeċċa mill-kariga.
Filwaqt li ċaħad akkużi oħra li saru u li qal li sar jaf bihom mill-media, John Bundu qal li fl-aħħar ġimgħat baqa’ sieket għax fil-familja kellu missieru qed imut.
“Waqt il-funeral ta’ missieri, li llum mejjet, waqt il-funeral, bdew joħorġu l-istejjer, waqt li għaddej il-funeral. U waqt il-funeral ninduna li fuq it-taraġ tal-knisja kien hemm bukketti tal-fjuri mibgħutin mill-istess nies li kienu qed jagħmluli dawk l-akkużi. Ninduna wara li dawk l-istess nies li kienu qed jagħmlu dawk l-akkużi, bagħtu flus fid-Dar tal-Providenza biex issir quddiesa għal ruħ missieri. Dik ipokrezija,” qal Bundy, emozzjonat.
Fl-intervista hu qal li kellu laqgħa mal-Prim Ministru u żied li ma ġie offrut xejn.
//= $special ?>