Il-Qorti Kriminali irrevokat digriet għall-ħelsien mill-arrest tal-eks Avukat Patrick Spiteri wara li laqgħet appell mill-Avukat Ġenerali.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ikkontesta l-għoti ta’ digriet ta’ ħelsien mill-arrest b’kundizzjonijiet stretti li kienu jixbħu “house arrest”. Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, iddikjarat li akkużat jinżamm arrestat f’daru mhux forma ta’ ħelsien iżda forma ta’ arrest.
Patrick Spiteri kien estradit lejn Malta mir-Renju Unit f’Mejju ta’ din is-sena biex iwieġeb għal akkużi ta’ frodi u miżappropjazzjoni quddiem diversi qrati u l-valur tagħhom ilaħħaq €7.4 miljun.
L-eks Avukat għamel diversi talbiet għal ħelsien mill-arrest; l-ewwel minħabba raġunijiet ta’ saħħa u imbagħad minħabba li hu impossibbli għalih li mill-Ħabs ikollu aċċess għal mijiet ta’ kaxxi b’dokumenti marbuta mal-prattika tiegħu.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest wara li osservat li l-proċeduri diġà kienu fi stadju avvanzat qabel ħareġ il-Mandat ta’ Arrest Ewropew. Barraminhekk, hu kien żamm kuntatt mal-avukati tiegħu sakemm kien qed jingħata kura għall-kundizzjoni medika tiegħu.
L-Avukat Ġenerali ressaq appell kontra din id-deċiżjoni. Il-Qorti Kriminali, qalet li arrest fir-residenza, essenzjalment mhux liberta’ proviżorja iżda jibqa’ stat ta’ arrest. Il-Qorti tenniet li jekk il-Qorti tal-Maġistrati kienet tħoss li Spiteri għandu jingħata l-liberta’ proviżorja, hi kellha tagħtih liberta’ effettiva u mhux iżżommu fid-dar tiegħu fi stat ta’ arrest. Il-Qorti ikkwotat ukoll numru ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jqisu l-‘house arrest’ u l-kundizzjonijiet li jġib miegħu bħala wisq restrittivi biex jikkwalifikaw bħala liberta’ proviżorja.
L-Avukat Stefano Filletti qed jidher għal Patrick Spiteri
//= $special ?>