Il-manager ta’ Manchester City Pep Guardiola u Leroy Sane rebħu l-unuri tal-Manager tax-Xahar u l-Plejer tax-Xahar għal Ottubru rispettivament. It-tnejn rebħu l-unuri wara li Manchester City rebħu t-tliet logħbiet tagħhom f’Ottubru, sensiela li fihom skorjaw 13-il gowl.
Dan hu t-tieni xahar konsekuttiv li fih Guardiola rebaħ il-Manager tax-Xahar hekk kif City jinsabu fil-quċċata tal-Premier League mingħajr telfa. Huma ġejjin minn disa’ rebħiet konsekuttivi. Guardiola issa rebaħ dan l-unur għat-tielet darba wara li għeleb l-isfida ta’ Mauricio Pochettino ta’ Tottenham, Arsene Wenger ta’ Arsenal u Sean Dyche ta’ Burnley.
Fuq in-naħa l-oħra, Sane rnexxielu jikseb l-ewwel unur personali wara li skorja gowl u serva ta’ assist fit-tliet logħbiet li lagħab f’Ottubru.
Il-plejer offensiv ta’ 21 sena hu biss it-tieni Ġermaniż li kiseb l-unur wara li Jurgen Klinsmann li f’dak iż-żmien kien ma’ Tottenham, rebaħ l-ewwel unur li qatt sar tal-Plejer tax-xahar, lura f’Awwissu tal-1994. Sane ngħaqad ma’ City fis-sajf tas-sena l-oħra mingħand Schalke għal €40 miljun u skorja 11-il gowl f’37 logħba fil-Premier League, fosthom sitt gowls f’dan il-kampjonat.
Il-plejer l-ieħor ta’ Manchester City Kevin De Bruyne, id-difensur ta’ Arsenal Nacho Monreal, l-attakkant ta’ Brighton Glenn Murray, il-gowlkiper ta’ Burnley Nick Pope u l-winger ta’ Crystal Palace Wilfried Zaha kienu l-plejers l-oħra nominati.
//= $special ?>