Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet il-kawża li fetħet il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ (KNPD) kontra l-Malta Football Association (MFA) dwar l-aċċessibilita’ tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali għal persuni b’diżabilita’.
Il-kawża infetħet mill-KNPD wara li kienet irċeviet diversi ilmenti li l-“West Stand”, magħrufa aħjar mal-partitarji bħala l-‘Enclosure’, ma kienx aċċessibbli għal persuni li għandhom problemi ta’ mobilita’, kemm fejn jidħol aċċess għaz-zona innifisha, kif ukoll għall-bar u l-faċilitajiet sanitarji.
Min-naħa tagħha, l-MFA wieġbet li l-‘millennium stand’ hi kompletament aċċessibbli u tul il-kors tal-kawża kien assikurat li din l-istand tkun miftuħa għall-partiti kollha li jkunu qed jintlagħbu f’Ta’ Qali. L-MFA wieġbet ukoll li x-xogħolijiet li qed jintalbu li jsiru huma ta’ piż finanzjarju li mhux raġjonevoli għaliex skont stima tal-perit imqabbad minnha, ix-xogħol kien se jiġi jiswa mal-€250,000 għaliex kien jinvolvi demolizzjoni u rikostruzzjoni ta’ parti mill-‘enclosure’.
Il-Qorti qabbdet perit tekniku li evalwa l-post u min-naħa tiegħu kien irrakkomanda xi xogħolijiet li jżidu l-aċċessibilita’. Hu kien qed jistma’ dawn ix-xogħolijiet kienu se jiswew mas-€70,000 u kienu jfissru telf ta’ 37 post jew 1% tal-postijiet disponibbli fl-‘enclosure’.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Anna Felice, innutat li filwaqt li l-KNPD seta’ kellha raġun fiż-żmien meta fetħet dawn il-proċeduri, wieħed ma jistax jinjora l-miżuri li ħadet l-MFA sabiex jitjieb l-aċċess għal persuni b’diżabilita’, b’mod partikolari il-‘Millennium Stand’ li hi kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilita’. Filwaqt li l-Qorti tifhem li l-azzjoni hi limitata għall-aċċess fl-‘enclosure’, is-sitwazzjoni inbidlet hawnhekk ukoll għaliex issa iz-zona tal-bar biss mhux aċċessibbli. “Bit-tibdiliet u miżuri li ħadet l-assoċjazzjoni intimata (MFA) matul is-snin, illum il-ġurnata persuni b’diżabilità għandhom għażla bejn li jsegwu partiti flimkien ma sħabhom mill-Millenium Stand, jew mill-Enclosure stess imma bil-limitazzjonijiet tiegħu kif spjegati mill-perit tekniku.”
Il-Qorti innutat ukoll li filwaqt li f’sitwazzjoni ideali, ma jeżistux konsiderazzjonijiet finanzjarji u loġistiċi, madanakollu il-Qorti ma tistax tiskarta kull sens ta’ proporzjon. Ewlieni fosthom li n-numru ta’ persuni b’diżabilita’ li jattendu logħob fl-istadium nazzjonali hu tassew żgħir, il-piż finanzjarju qawwi li x-xogħolijiet mitluba ipoġġu fuq l-Assoċjazzjoni u l-problemi loġistiċi ta’ xogħolijiet li jieħdu diversi ġimgħat u li jħarbtu mhux biss il-kalendarju tal-kampjonati lokali iżda wkoll impenji internazzjonali, kemm tat-tim nazzjonali, kif ukoll ta’ klabbs, fl-uniku stadium adattat f’termini ta’ numru ta’ spettaturi u sigurta’.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ma’ laqgħetx it-talbiet tal-KNPD.
//= $special ?>