Internazzjonali

In-NU: Veto mir-Russja għal investigazzjoni dwar l-armi kimiċi fis-Sirja

Ir-Russja użat il-veto fil-konfront ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li kellha testendi l-investigazzjoni internazzjonali dwar l-attakki bl-armamenti kimiċi fis-Sirja.

Din kienet l-għaxar darba li Moska eżerċitat id-dritt tal-veto fin-NU, b’appoġġ għas-Sirja (alleata kbira tar-Russi) mindu beda l-konflitt.

Intant, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-NU, Nikki Haley, akkużat lir-Russja b’li qed ittellef il-kapaċità tal-organizzazzjoni internazzjonali biex tevita l-attakki futuri bl-armi kimiċi.

Madankollu, ir-Russja, warrbet minnufih għall-kritika fil-konfront tagħha.

Fl-2015 kien twaqqaf Joint Investigative Mechanism (JIM) biex jidentifika l-awturi tal-attakki kimiċi. Din hi l-unika missjoni uffiċjali li qed tinvestiga l-użu tal-armamenti kimiċi fis-Sirja.

Ir-Russja kienet ikkritikat bl-aħrax l-inkjesta meta l-missjoni kienet waħħlet fil-Gvern tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, b’konnessjoni ma’ attakk kimiku fil-belt ta’ Khan Sheikhoun, li sar f’April. Fl-attakk intuża materjal li jaffettwa n-nervatura tal-ġisem – bis-Sirja tiċħad li hi qed tuża dawn l-armi li huma projbiti mill-komunità internazzjonali.

Min-naħa tagħha, Nikki Haley qalet li l-aħħar veto mir-Russja għandu jitqies bħala ‘daqqa ta’ ħarta’, waqt li hi spjegat li ‘ir-Russi annullaw il-mekkaniżmu investigattiv li għandu l-appoġġ sħiħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU’.

Haley kompliet li r-Russja, bl-eliminazzjoni tal-kapaċità tan-NU biex tidentifika lill-aggressuri li jużaw l-armi kimiċi, tefgħet lura l-kapaċità tal-komunità internazzjonali biex tħares kontra attakki ta’ dan it-tip li jistgħu jsiru ‘il quddiem.