Lokali

Protest Ġudizzjarju mill-familja ta’ Karin Grech dwar “għibien ta’ evidenza kruċjali”

Il-familja ta’ Karin Grech, it-tfajla li kienet inqatlet permezz ta’ ittra bomba f’Diċembru tal-1977, illum ressqet protest ġudizzjarju fejn qed iżomm lill-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u d-Direttur Ġenerali tal-Qrati responsabbli għall-għejbien ta’ evidenza meqjusa bħala kruċjali.

L-eks Ministru Laburista, il-Professur Edwin Grech, martu Pearl u binhom Kevin qalu li l-inkjesta dwar il-mewt ta’ Karin għadha miftuħa hekk kif ix-xahar id-dieħel jaħbat l-40 anniversarju mill-qtil tagħha.

Il-Protest ikompli l-persuni msemmija huma responsabbli tan-nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni, iktar u iktar meta dan l-aħħar saru jafu li biċċiet mill-envelope li kellu traċċi tal-isplussiv, apparentement għebu mill-kustodja tal-Qrati.

Il-familja Grech qalet li din l-evidenza setgħet tixħet dawl fuq ir-reat grazzi għal teknoloġiji u żviluppi ġodda fix-xjenza forensika f’dawn l-aħħar 40 sena.

Fl-1977, il-Professur Grech li kien qed jipprattika fir-Renju Unit, kien issejjaħ lura Malta sabiex imexxi d-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar San Luqa fl-eqqel tal-kwistjoni bejn il-Gvern u t-tobba.

Kien fit-28 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena li envelop kbir kannella, imgeżwer f’karta tar-rigali, intbagħat fir-residenza tal-familja Grech. Kienet Karin, li dak iż-żmien kellha 15-il sena, li fetħet il-pakkett u sofriet ġrieħi gravi fl-isplużjoni u kienet mietet iktar tard dakinhar stess. Ħuha Kevin ukoll kien sofra ġrieħi gravi u kellu bżonn kura barra mill-pajjiż.

Il-Protest kien iffirmat mill-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Yanika Vidal