L-awtoritajiet ta’ Singapore issospendew il-kummerċ kollu mal-Korea ta’ Fuq komunista, meta n-Nazzjonijiet Uniti u l-Istati Uniti qegħdin ifittxu miżuri dejjem aktar iebsa kontra r-reġim fi Pyongyang.
Uffiċjali tad-dwana f’Singapore qalu li l-prodotti indikati għall-kummerċ ‘lejn jew mill-Korea komunista’ ilhom ipprojbiti mit-8 ta’ Novembru. Kulmin jabbuża mid-direttiva jista’ jeħel multa jew sentejn priġunerija.
Il-pass minn Singapore ittieħed waqt li n-NU kienet qed timponi s-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq b’konnessjoni mas-sitt prova nukleari tal-Istat komunista.
Intant, Singapore baqa’ iżomm ir-rabtiet diplomatiċi mal-Korea ta’ Fuq waqt li Pyongyang għadu qed iżomm l-ambaxxata tiegħu fid-distrett finanzjarju ta’ Singapore.
L-aħħar round tas-sanzjonijiet min-NU kienu mirati għal diversi kumpanniji u individwi, fosthom żewġ entitajiet kummerċjali f’Singapore.
Aktar kmieni din is-sena, it-tensjoni fil-peniżola Koreana laħqet livelli mingħajr preċedent wara li l-Korea ta’ Fuq ippersistiet bil-provi għall-missili, li tnejn minnhom ( li kienu jwasslu fuq distanzi twal ) għaddew minn fuq il-Ġappun.
It-tensjoni kienet xprunata aktar mis-sitt u u l-akbar prova nukleari min-naħa tar-reġim fi Pyongyang.
L-Istati Uniti u n-NU qegħdin jittamaw li s-sanzjonijiet itellfu lill-Korea ta’ Fuq mill-mezzi biex tkompli bil-programm aggressiv tagħha għall-iżvilupp tal-armamenti.
//= $special ?>

