L-attur Amerikan Sylvester Stallone, li kiseb fama mondjali bis-sensiela tal-films fuq it-temi ta’ Rocky’ u ‘Rambo’, qed jiċħad rapporti li hu u eks-gwardjan personali kienu aggredew tifla ta’ 16 il-sena għal skop sesswali, f’każ li jmur lura għat-tmeninijiet.
L-allegat każ qed jingħad li seħħ f’Las Vegas, bil-media tistampa dak li rreferiet għalih bħala ‘rapport mill-pulizija li sar fl-1986 u li jiddettalja din l-allegazzjoni’.
Ir-rapport qal li t-tfajla ma insistietx li tressaq akkużi għaliex ħassitha ‘umiljata u mbeżża’. Ingħad ukoll li qatt ma ttieħdet azzjoni dwar l-allegat attakk fuq din it-tfajla.
Sadanittant, il-kelliema għal Stallone sostnew li l-istorja hi ‘kategorikament falza’ u ‘redikola’. Huma qalu li ‘ħadd – inkluż Sylvester Stallone — qatt ma kien jaf b’din l-istorja qabel kienet pubblikata issa’. L-istess kelliema komplew li l-attur qatt ma kien ikkuntattjat mill-pulizija jew xi awtorità oħra rigward l-allegat każ.
Fiż-żmien meta suppost seħħ l-allegat attakk, Sylvester Stallone kien qiegħed f’Las Vegas waqt il-ġbid tal-film tiegħu, bl-isem Over the Top. Il-gwardjan personali tal-attur, Mike de Luca, spiċċa maqtul mill-pulizija li kienu sparaw għal fuqu f’Kalifornja, madwar erba’ snin ilu.
Intant, iċ-ċaħda mingħand Stallone segwiet ‘il-litanija ta’ allegazzjonijiet pjuttost simili’ li saru fl-aħħar jiem kontra personalitajiet ewlenin ta’ Hollywood bħal Harvey Weinstein u Kevin Spacey.
//= $special ?>

