Fi stqarrija kongunta il-UHM Voice of the Workers u l-GWU qalu li jinsabu inkwetati wara laqgħat li saru għall-ħaddiema tal-kumpanija Malta International Airport fil-jiem li għaddew.
L-unions qalu li matul dawn il-laqgħat kien ipprezentat abbozz ta’ ftehim kollettiv fl-aħħar stadji tiegħu. Matul il-laqgħa l-ħaddiema membri fiz-żewg unions setgħu jistaqsu u jikkummentaw fuq il-proposti mressqa.
Matul il-laqgħat ittieħed vot bil-maggoranza tal-ħaddiema jivvotaw kontra l-ftehim propost minħabba li l-managament ippropona tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ezistenti.
Ramon Francalanza Employment Relations Manager fi ħdan il-UHM Voice of the Workers qal li għalkemm huwa fl-interess tal-kumpanija li tikkontrolla l-ispejjeż tas-sahra u li tara li jkun hemm sigħat iktar flessibbli ta’ xogħol, dawn ma għandhomx jinfluwenzaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Sandro Vella, Segretarju Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU, fakkar li fl-aħħar 4 snin, il-ħaddiema tal-MIA kienu iktar produttivi tant li l-passiġġieri żdiedu b’20 fil-mija, saru diversi proġetti kbar ta’ infrastruttura u diversi ħaddiema komplew jonqsu. Huwa saħaq li r-risposta tal-ħaddiema għall-proposti turi li mhumiex jaċċettaw li l-MIA tkompli tinsisti li ż-żideit jintrabtu ma’ iktar flessibilita għad-detriment tal-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-GWU u l-UHM jinsabu lesti li joffru kull għajnuna sabiex ikun hemm żblokk fil-kwistjoni kollha bl-iskop li jkunu evitati azzjonijiet industrijali.
//= $special ?>

