Futbol Sport

Coleman jirriżenja mit-tmexxija ta’ Wales

Chris Coleman waqt l-aħħar partita fit-tmexxija kontra l-Panama (Ritratt: EPA)

Chris Coleman irriżenja minn kowċ ta’ Wales fejn skont sorsi fl-Ingilterra se jieħu t-tmexxija tat-tim taċ-Championship Sunderland. Coleman li għandu 47 sena jidher li ltaqa’ mal-Assoċjazzjoni ta’ Wales il-Ġimgħa, xahar wara li Wales naqsu li jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, u informa lill-uffiċjali bid-deċiżjoni.

Hu temm esperjenza ta’ sitt snin  fit-tmexxija. Fost is-suċċessi li kellu tispikka l-mixja storika sas-semifinali tal-Euro 2016 fi Franza. Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni ta’ Wales Jonathan Ford qal li jinsabu diżappuntati li jaraw l-esperjenza ta’ Coleman tintemm.

Hu saħaq li l-Assoċjazzjoni u Wales huma grati għax-xogħol li Coleman għamel fl-aħħar sitt snin u awgurawlu għall-futur hekk kif se jirritorna għal tmexxija ta’ klabb, xewqa li Ford saħaq li dejjem kienet xewqa ta’ Coleman.

Coleman deher mistenni li jibqa’ wara li ġimgħa ilu saħaq li t-tama tiegħu hi li jiċċara l-futur tiegħu wara d-draw kontra Panama. Dakinhar kien qal li jittama li ma kinitx l-aħħar logħba tiegħu.

Iżda Coleman li fil-passat mexxa timijiet bħal Fulham, Real Sociedad u Coventry, qal li jixtieq jirritorna jmexxi klabb għall-ewwel darba mill-2012, meta telaq il-klabb Grieg ta’ Athlitiki Enosi Larissa.

Sunderland ilhom ma jirbħu logħba f’darhom minn Diċembru tas-sena l-oħra. Huma jidher li kellhom diskussjonjiet mal-kowċ ta’ Barnsley Paul Heckingbottom u kienu interessati mal-manager tal-Irlanda ta’ Fuq Michael O’Neill hekk kif kienu qed ifittxu suċċessur ta’ Simon Grayson. Iżda O’Neill ma kienx interessat filwaqt li Sunderland temmew l-interess f’Heckingbottom.