Il-Pulizija qed iżżomm persuna li qed tkun meqjusa bħala s-suspettat ewlieni fil-qtil li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija, meta persuna mhux magħrufa daħlet ġo garaxx ta’ tapizzar u qatlet lil Angelo Mangion, raġel ta’ 58 sena minn Ħal Qormi.
Fl-isparaturi, indarab ukoll sid il-ħanut, Raymond Grima ta’ 61 sena mill-Iklin. Filwaqt li Mangion miet fuq il-post b’konsegwenza tat-tiri li qala’, sid il-ħanut, Grima, indarab iżda kollox jindika li ma ntilifx minn sensih. Tant, li informazzjoni li għandu NET News tgħid li l-Pulizija laħqu kellmu lil sid il-ħanut qabel ittieħed l-isptar u mill-ewwel ta l-verżjoni tiegħu ta’ kif ġraw l-affarijiet.
Qabel ġie operat, jidher li kellu kuntatt u tkellem mal-Pulizija fejn irrakkuntalhom dak li skont hu seħħ, jiġifieri li mutur ġie quddiem il-garaxx ‘Raymond’s Upholstery’; min kien fuqu li ġie deskritt bħala raġel twil u rqiq, waqaf quddiem il-garaxx, daħal bi crash helmet u beda jispara tiri b’revolver kemm fuq sid il-garaxx, jiġifieri Raymond Grima, kif ukoll fuq il-vittma, fuq il-mejjet, jiġifieri Lino Mangion li tilef ħajtu hawnekk fuq il-post, fil-garaxx, hekk kif jidher li ntlaqat bi tliet tiri u miet fuq il-post.
Ir-raġuni għaliex daħal l-aggressur fil-garaxx u qabad jispara għad mhix magħrufa. Iżda rapporti lokali qed jgħidu li l-vittma li tilef ħajtu, intlaqat intortament, u aktarx, il-mira kien sid il-ħanut. Skont informazzjoni li għandu NET News, Angelo Mangion mar il-garaxx tat-tapizzar biex jagħmillu seat ta’ mutur tal-injam li kien qed jibni.
B’kollox, ġew sparati mal-10 tiri, erba’ minnhom li laqtu lil sid il-garaxx u tal-anqas tlieta oħra li laqtu u qatlu lil Mangion. Kemm ġewwa l-garaxx kif ukoll fuq l-għatba ta’ barra, evidenti t-traċċi u passi tad-demm mill-qtil li seħħ għall-ħabta tas-6.20 tal-Ġimgħa filgħaxija fi Triq l-Imdina f’Ħ’Attard, triq traffikuża li tgħaqqad iċ-ċentru ta’ Malta mar-Rabat.
Ftit mumenti wara l-inċident, bdiet tfittxija kbira mal-pajjiż kollu għall-aggressur, u xi ħin wara l-Pulizija kienu diġà nterrogaw xi persuni, madwar erba’ b’kollox. Madanakollu jidher li s-suspett qawwi qed jaqa’ fuq wieħed minnhom.
Sadanittant, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, l-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat Aaron Bugeja.
//= $special ?>