Ħbieb ta’ Angelo Mangion, jew Lino, li nqatel fi sparaturi ġo garaxx ta’ tapizzar f’Ħ’Attard, huma konvinti li Lino nqatel intortament u ma’ NET News tkellmu dwar il-karattru tiegħu, u ddeskrivewh bħala raġel mill-aħjar, li f’Ħal Qormi, dejjem kont issibu fuq quddiem nett biex jgħin fejn hemm bżonn.
NET News mar Ħal Qormi, fejn fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ San Ġorġ ilmaħna bandiera mezzasta fuq il-bejt tal-każin tan-nar tal-Għaqda 23 ta’ April. Dħalna ġewwa u ltqajna ma xi nies li lil Lino kienu jafuh.
Fost dawn, Ġeranz Azzopardi. “Qegħdin iċċassati. Tlifna raġel. Nofs ir-raħal għandu jinilef għax tlifna raġel kbir. Fejn kont tmur tħabbatlu l-bieb ma kienx jghidlek le. Kien qalbu tajba imma sfortunatament, il-bambin riedu,” qalilna.
Ġeranz qalilna li Lino mar għand it-tapizzar il-Ġimgħa filgħaxija għax kien qed jibni mutur tal-injam, u biex ilestih, kellu bżonn jagħmillu seat. Żjara innoċenti li swietlu ħajtu. Filfatt, sħab Lino huma konvinti li l-qtil ma kienx għalih. “Kieku saret għalih, kienu jfittxuh fil-garaxx fejn kien ikun sa tard filgħaxija,” qalilna Ġeranz.
NET News żar ukoll il-kamra tan-nar tal-Għaqda tan-Nar 23 ta’ April ta’ Ħal Qormi fejn hemmek tkellimna ma’ Charles Borg, li jmexxi l-kamra, li spjega li kien ħaten Lino li ċempillu u nfurmah bl-aħbar kerha li ‘Lino l-Pewx’ kien inqatel. “Tixxukkja ruħek,” qalilna Charles waqt li dawwarna mal-kmamar fil-kumpless tan-nar fejn fost oħrajn uriena l-kargiera tat-tempijiet li ħadmilhom Lino, l-aħħar oġġett li ħadmilhom qabel inqatel.
Storja f’aktar dettal fil-ħarġa ta’ għada ta’ il-mument.
//= $special ?>