Lokali

FILMATI: Robert Arrigo u David Agius se jkunu l-Viċi Kapijiet il-ġodda tal-PN

12.10am: Iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali rringrazzja lill-kumplament tal-Kummissjoni li għenu fil-proċess kollu fl-aħħar xhur, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Kandidati kollha involuti f’dawn l-elezzjonijiet.

12.05am:Iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali Robert Muscat ħabbar ir-riżultati uffiċjali taż-żewġ elezzjonijiet:
Elezzjoni għal Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit:
Robert Arrigo: 9,168 (86.1%)
Toni Bezzina: 1,476 (13.9%)

Total Voti Validi: 10,644
Invalidi: 141
Total ta’ Voti Mitfugħa: 10,785

Elezzjoni għal Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament:
David Agius: 5,737 (53.9%)
Edwin Vassallo: 4,908 (46.1%)

Total Voti Validi: 10,645
Invalidi: 140
Total ta’ Voti Mitfugħa: 10,785

11.55pm: Clyde Puli, l-uniku Nominat għal Segretarju Ġenerali ġdid tal-Partit Nazzjonalista, qal li mil-lum il-Partit diġà qed iħoss nifs u arja ġdida wara l-ħatriet tal-Kap, iż-żewġ Viċi Kapijiet u l-Uffiċjali l-ġodda. Hu rringrazzja lill-erba’ Kandidati għaż-żewġ karigi ta’ Viċi Kapijiet, bil-kontribut tagħhom f’laqgħat mat-Tesserati tal-Partit. Qal li l-mod kif din id-darba l-Partit Nazzjonalista eleġġa lill-Kap u lill-Viċi Kapijiet (bis-sehem tat-Tesserati) turi l-enerġija ġdida li qed taħkem lill-Partit. Għalaq billi rringrazzja lil Beppe Fenech Adami u lil Mario de Marco, li sal-lum kienu qed iservu bħala Viċi Kapijiet tal-Partit, kif ukoll l-Uffiċjali l-oħra tal-Partit immexxija minn Rosette Thake bħala s-Segretarju Ġenerali attwali.

11.40pm:

11.36pm: ‘Partit li għadu ħaj u vivaċi’, dan kien l-ewwek kumment tal-Kap tal-PN Adrian Delia, hekk kif qal li l-Partit issa qed juri biċ-ċar li għadu sħiħ, sħiħ biex ikompli jkun it-tarka tal-Maltin. Il-Kap tal-PN għamel referenza għal proċess ta’ tiġdid tal-PN fejn irringrazzja lil kull kandidat li kkontesta għal din l-elezzjoni għall-irwoli ta’ Viċi Kapijiet. Adrian Delia għamel tkellem li issa l-Partit, b’mod ġdid, jemmen li se joffri lill-Maltin alternattiva ġdida li se toffri tassew d-demokrazija, il-libertà u dak kollu li hu sewwa.

11.20pm: Aġenti ta’ David Agius jiċċelebraw li l-kandidat tagħhom ġie elett għal Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament.

11.00pm: F’kummenti li ta lill-midja preżenti, il-Viċi Kap elett għall-Ħidma fil-Partit Robert Arrigo rringrazzja mill-ġdid li kull min tah l-appoġġ. Huwa qal li Toni Bezzina ftit tal-minuti qabel kien għamel kuntatt miegħu biex jawguralu, hekk kif kien jidher li hu kien rebaħ l-elezzjoni għall-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit. Bezzina qal li għalkemm dan ir-riżultat, f’elezzjoni bejn il-ħbieb, hu se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ fil-PN.

10.57pm: F’post fuq Facebook, Robert Arrigo jitfa’ ritratt tiegħu bil-kelma ‘Grazzi’.

10.48pm: Għal din l-elezzjoni vvutaw 10,785, 92.1% mit-tesserati li ġabru l-vot.

10.35pm: Jibda s-sorting fil-kaxxi rispettivi

9.30pm: F’din l-elezzjoni vvutaw 92.1% ta’ dawk li ġabru l-vot.

9.20pm: Il-proċess tal-Għadd tal-Voti jibda wara li l-Kummissjoni Elettorali tagħmel il-proċess tas-Sorting. B’hekk, ikun ikkonfermat in-numru tal-persuni li vvutaw f’dawn l-elezzjonijiet.

9pm: Tiġi fi tmiemha l-votazzjoni għall-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista. Fid-9.30pm mistenni jibda l-proċess tal-Għadd tal-Voti fid-Dar Ċentrali, b’aġġornamenti diretti anke f’din il-paġna.

Aktar dettalji ‘l quddiem.

Aktar qabel;

Illum, 11,546 Tesserat tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jivvota biex jeleġġi l-Viċi Kapijiet tal-Partit għall-Ħidma fil-Parlament u fil-Partit.

L-elezzjoni fetħet fit-8 ta’ dalgħodu u se tibqa’ għaddejja sad-9pm f’Malta fid-Dar Ċentrali tal-PN, fil-Każin tal-PN f’Ħal Tarxien u barra t-Trade Fair fin-Naxxar u bejn it-8am u s-7.30pm f’Għawdex fis-‘Sub-Headquarters’ tal-PN f’Ta’ Sannat.

Il-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament qed tkun ikkontestata minn David Agius u Edwin Vassallo, filwaqt li dik għall-Ħidma fil-Partit qed tkun ikkontestata minn Robert Arrigo u Toni Bezzina.

It-Tesserati eliġibbli huma mitluba li jippreżentaw id-Dokument tal-Vot u l-Karta tal-Identità biex jingħataw iż-żewġ poloz tal-vot. F’kull waħda minnhom, irid ikun immarkat isem wieħed, skont l-għażla tal-votant għal kull kariga.

Is-Sibt li għadda saret l-Elezzjoni Bikrija, fejn ivvutaw madwar 2,500 Tesserat. Il-kaxxi bil-poloz tal-vot ta’ dakinhar issakkru fi ‘strong room’ u jinħarġu biss mal-proċess tal-għadd tal-voti, wara d-9pm.

Matul il-ġurnata, Radio 101 u NET News se jkun qed ixandar numru ta’ aġġornamenti dwar l-andament tal-elezzjoni, u llejla se ssir xandira simultanja ta’ programm speċjali, li jibqa’ għaddej sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni.

Aġġornamenti kontinwi u x-xandira speċjali se tkun ukoll fuq il-portal tal-aħbarijiet NETnews.com.mt.

RITRATTI: Il-Kap tal-PN Adrian Delia jivvota fl-elezzjoni għall-Viċi Kapijiet