Internazzjonali

Il-Ġermanja: Partiti politiċi fi spinta lejn koalizzjoni

Is-sieħba politiċi fil-Ġermanja li jistgħu jiffurmaw koalizzjoni f’Berlin iltaqgħu għall-aħħar round ta’ taħditiet immirati għal politika komuni fl-oqsma delikati tal-klima u l-immigrazzjoni.

Il-laqgħat ta’ tmiem il-ġimgħa huma intiżi biex jevitaw elezzjoni bikrija potenzjali fil-Ġermanja. Għall-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, alleanza bejn il-konservattivi, il-liberali u l-Ħodor hi l-aqwa opportunità biex taċċerta minn raba’ mandat ta’ poter iżda l-partiti inkwistjoni għadhom ‘il bogħod minn ftehim wara erbat ijiem ta’ taħditiet.

L-akbar punti ta’ diżgwid jinvolvu l-bidliet fil-klima, fejn il-Ħodor iridu qtugħ fl-emissjonijiet u l-immigrazzjoni. Dan meta l-alleati arċi-konservattivi ta’ Merkel fil-Bavarja qed jinsistu għal regoli aktar stretti.