“Irridu issa niddefendu lill-ġurnalisti, għax għalxejn jiżvelaw l-istejjer ta’ korruzzjoni jekk ħadd mhu se jaħdem fuqhom u jipproteġihom. Ejja nitfgħu l-biża fuq il-Gvern – għax il-Gvern irid jibża mill-poplu” – kliem il-Membru Ewroparlamentari mir-Rumanija Monica Macovei, hekk kif indirizzat attivita’ organizzata min-Netwerk tas-Soċjeta’ Ċivili.
Monica Macovei, tkellmet dwar is-sitwazzjoni li tinsab fiha Malta – u kif il-bqija tal-Ewropa qed tħares lejn pajjiżna. Hi qabblet kif pajjiżha, ir-Rumanija, wkoll kellhom jinżlu n-nies fit-toroq biex jipproteġu l-libertajiet tal-poplu – u rnexxielhom iwaqqfu l-pjanijiet tal-Gvern milli jgħaddi gaffa minfuq il-poplu.
Monica Macovei hi Membru fil-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Konservattiv u Riformattiv, u tat saħħitha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’pajjiżha. Għalhekk, mill-esperjenza vasta tagħha, hi tenniet li l-poplu biss għandu jagħmel id-differenza – għax jekk il-poplu jibqa’ sieket jista’ jkun li l-għada nqumu qegħdin ngħixu f’pajjiż ikkontrollat minn dittaturi. Kien hawn li l-MEP mir-Rumanija rrakkuntat kif quddiem il-binja tal-Gvern Ċentrali fir-Rumanija, folla li leħqet aktar minn sitt mitt elf irnexxielhom iwaqqfu lill-Gvern.
Monica Mocavei qalet li mhux minnu li l-korruzzjoni ġġib il-flus, iżda insistiet li l-prezz tal-korruzzjoni jitħallas mill-but tal-poplu Malti. Temmet tgħid, li sfortunatament, fl-oppinjoni tagħha Malta saret stat ikkontrollat mill-korruzzjoni.
Il-Membru Ewroparlamentari qalet li b’kawża ta’ din il-korruzzjoni, Malta għandha istituzzzjonijiet dgħajfa, u dan ifisser li b’istituzzjonijeit dgħajfa – Malta hi stat dgħajjef. Kompliet tistqarr, li jekk persuna titkellem mal-Ewropa biex tiddefendi lill-pajjiża kontra l-Gvern li qed jakkes is-sitwazzjoni, dawk ma jissejħux tradituri. Qalet li t-tradituri huma dawk li jkissru r-reputazzjoni tal-pajjiż u jħammġu isem il-pajjiż mad-dinja kollha.
Preżenti għal din l-attivita’ kien hemm it-tliet Membri Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech. Kien hemm ukoll id-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil, Karol Aquilina u Jason Azzopardi. Ukoll kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, flimkien mal-eks deputat Nazzjonalista Louis Galea.
//= $special ?>