Lokali

Il-Pantomima ‘It-3 Muskettieri?’ fil-Kulleġġ San Benedittu, Kirkop

Il-Palk tas-Sala Prinċipali tal-Iskola Sekondarja San Benedittu f’Ħal Kirkop qiegħed ta’ kuljum ikun mimli bl-istudenti li ilhom jaħdmu għal dawn l-aħħar ġimgħat sabiex f’Diċembru jtellgħu l-Pantomima Annwali.  Din is-sena l-grupp organizzattiv għażel l-istorja tat-tliet muskettieri sabiex tkun is-sinsla tal-pantomima ta’ din is-sena.  Madanakollu bħal kull pantomima oħra, din hija biss il-bażi tal-istorja li mistennija naraw imtellgħa minn Benedittu Productions.

Ix-xogħol fuq il-pantomima ilu li beda sa minn qabel bdiet is-sena skolastika.  Il-preparamenti primarjament isiru waqt il-ħin tal-brejk madanakollu produzzjoni bħal din tinħtieġ ħafna preparamenti u allura l-għalliema u anke l-istudenti ngħaqdu flimkien sabiex saru rehearsals kemm wara l-ħin tal-iskola u anke fi tmiem il-ġimgħa sabiex il-pantomima ta’ din is-sena, ‘It-3 Muskettieri?’ tilħaq il-livell meħtieġ.   Tajjeb wieħed isemmi kemm l-għalliema joħorġu minn triqathom sabiex joffru edukazzjoni ħolistika lill-istudenti tagħhom.  Wieħed jinnota wkoll kemm trawmu talenti minn okkażjonijiet bħal dawn.  Talenti li llum narawhom jagħmlu dan il-passatemp bħala x-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Din is-sena ser ikun hemm ħames rappreżentazzjonijiet għall-iskejjel u erbgħa oħra għall-udjenza ġenerali.  Din is-sena qegħdin naħdmu wkoll b’kollaborazzjoni ma’ Qalb it-Tfal fejn parti mill-prezz tad-dħul kif ukoll id-dħul minn lotterija li tittella’ waqt kull serata ser imur direttament għal din il-kawża ġusta.

Il-preżentazzjonijiet għall-pubbliku ġenerali ser isiru fil-15, 16 u 17 ta’ Diċembru fis-7pm jew f’rappreżentazzjoni extra li ser issir nhar il-Ħadd 17 ta’ Diċembru fis-2:00pm. Għal aktar informazzjoni fuq il-produzzjoni u dettalji dwar xiri ta’ biljetti nistedinkom tidħlu fil-paġna ta’ facebook Benedittu Productions.