Il-Prim Ministru tal-Libanu, Saad Hariri, jinsab Franza għal taħditiet dwar il-kriżi ta’ pajjiżu li ilha għaddejja għal jiem u mindu hu ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-kariga.
L-aħbar sorpriża tar-riżenja ta’ Hariri saret ġimgħatejn ilu waqt żjara li hu kien qed jagħmel fl-Arabja Sawdija. Intant, ir-riżenja tiegħu ma kenitx aċċettata mill-Presidenza Lebaniża.
Saad Hariri ċaħad li kien qed jinżamm fl-Arabja Sawdija kontra l-volontà tiegħu, fost l-ispekulazzjoni li s-Sawdi kienu ġiegħeluh jirriżenja bħala parti minn taqbida għall-poter reġjonali mal-Iran. Fl-istess ħin, il-President tal-Libanu, Michel Aoun, bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li Hariri kien infurmah bit-telefon li kellu jirritorna fil-Libanu għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jum l-indipendenza li se jsiru fit-22 ta’ Novembru.
Aoun għamilha ċara wkoll li Hariri jista’ jippreżenta r-riżenja tiegħu fil-Libanu biss filwaqt li jibqa’ f’pajjiżu waqt li jkun qed ikun iffurmat Gvern ġdid f’Bejrut.
Saad Hariri – li wasal Pariġi minn Riyadh bil-jet privat tiegħu — illum, kellu laqgħa mal-President Franċiż, Emmanuel Macron, u wara kien qed iħejji biex jżur l-ibliet kapitali ta’ xi pajjiżi Għarab. Franza kienet offriet is-servizzi tagħha bħala medjatur fil-kriżi tal-Libanu, iżda fl-ebda ħin ma offriet l-ażil lil Saad Hariri.
Meta ħabbar ir-riżenja tiegħu, fl-4 ta’ Novembru, Hariri akkuża lill-Iran ‘b’li qed jiżra d-diżgwid u l-qerda fir-reġjun’. Hu anki akkuża lill-grupp militanti Iżlamiku Hezbollah, bħala l-alleat tal-Iran fil-Libanu, b’li qed jiddistabbilizza pajjiżu. Il-Hezbollah jifforma parti minn gvern għall-għaqda nazzjonali li Hariri kien ifforma f’Bejrut, is-sena l-oħra.
Il-Libanu ilu għexieren ta’ snin bħala punt ta’ riferiment kontinwu fil-kwistjoni bejn l-Arabja Sawdija u l-Iran li huma rivali kbar ta’ xulxin għall-influwenza fir-reġjun.
//= $special ?>

