Ir-Russja eżerċitat il-veto għat-tieni darba konsekuttiva ( f’jumejn) biex twaqqaf riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti intiża biex testendi l-investigazzjoni internazzjonali dwar l-attakki bl-armi kimiċi fis-Sirja.
It-tieni ċaħda kienet għal abbozz ta’ riżoluzzjoni mressaq mill-Ġappun biex itawwal bi 30 jum il-proċess magħruf bħala Joint Investigative Mechanism (JIM) li l-mandat tiegħu,fis-Sirja, issa intemm.
Qabel użat dan il-veto, ir-Russja kienet imblukkat abbozz simili, imressaq mill-Istati Uniti, li kellu jestendi l-mandat tal-JIM b’sena. Il-JIM jinkorpora l-unika missjoni li tidentifika protagonisti wara attakki kimiċi fis-Sirja u l-Gvern tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, li hu alleat kbir tar-Russja, qed jiċħad li qatt uża l-armi kimiċi projbiti fuq il-poplu.
IL-ĠERMANJA
Partiti politiċi fi spinta lejn koalizzjoni
Is-sieħba politiċi fil-Ġermanja li jistgħu jiffurmaw koalizzjoni f’Berlin iltaqgħu, ilbieraħ, għall-aħħar round ta’ taħditiet immirati għal politika komuni fl-oqsma delikati tal-klima u l-immigrazzjoni. Il-laqgħat ta’ tmiem il-ġimgħa huma intiżi biex jevitaw elezzjoni bikrija potenzjali fil-Ġermanja. Għall-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, alleanza bejn il-konservattivi, il-liberali u l-Ħodor hi l-aqwa opportunità biex taċċerta minn raba’ mandat ta’ poter iżda l-partiti inkwistjoni kienu għadhom ‘il bogħod minn ftehim wara erbat ijiem ta’ taħditiet. L-akbar punti ta’ diżgwid jinvolvu l-bidliet fil-klima, fejn il-Ħodor iridu qtugħ fl-emissjonijiet u l-immigrazzjoni, fejn l-alleati arċi-konservattivi ta’ Merkel fil-Bavarja qed jinsistu għal regoli aktar stretti.
//= $special ?>


