Internazzjonali

Iż-Żimbabwe: Ċelebrazzjonijiet kbar għat-tmiem tal-era ta’ Mugabe

 

Folol kbar ta’ nies li ħarġu fl-ibliet taż-Żimbabwe iċċelebraw it-tmiem ta’ era fost protesti biex il-President Robert Mugabe — li ilu l-aħħar ġranet miżum taħt arrest fid-dar tiegħu fil-kapitali Harare — jirriżenja minnufih b’mod uffiċjali.

Il-protesti kienu jirriflettu l-arja ta’ ċelebrazzjoni kbira għall-fatt li ma jidhirx li hemm triq lura għal Mugabe; bin-nies f’Harare jgħannqu lis-suldati li kienu strumentali biex il-poter jittieħed minn idejn id-dittatur, u meta ż-Żimbabwe, issa, qed tħares lejn bidu ġdid.

Id-dimostrazzjonijiet kienu appoġġjati mill-Armata u l-membri tal-Partit Zanu-PF fil-Gvern, iżda kien għad ma hemmx  kumment speċifiku mingħand Mugabe fis-sens li hu kien qed jaħseb biex jirriżenja formalment mill-Presidenza.

Il-veterani tal-gwerra taż-Żimbabwe, li sa ftit xhur ilu kienu leali għal Mugabe, ukoll qegħdin jgħidu li l-President ta’ 93 sena għandu jċedi r-riedni ta’ pajjiżu. L-osservaturi anki irrimarkaw dwar ‘it-taħlita bla preċedent tan-nies’ waqt ir-rallies tallum.

Robert Mugabe – li ilu jmexxi liż-Żimbabwe mill-1980 — ilu jinżamm taħt arrest fid-dar tiegħu f’Harare mindu l-Armata, nhar l-Erbgħa, għamlet il-pass deċiżiv biex tieħu kontroll tal-pajjiż għal żmien temporanju u bħala ‘konklużjoni’ ta’ taqbida biex tiddetermina lill-Mexxej suċċessur ta’ Mugabe.

Intant, Mugabe, nhar il-Ġimgħa, għamel l-ewwel dehra pubbliku tiegħu mindu faqqgħet il-kriżi fejn attenda ċerimonja ta’ gradwazzjoni f’università ta’ Harare. L-indikazzjonijiet qed juru wkoll li Grace Mugabe, il-First Lady taż-Żimbabwe u, sa ftit ilu, waħda mill-protagonisti għall-poter, ‘tinsab ma’ żewġha’ wara r-rapporti inizjali li ‘hi kienet telqet lejn in-Namibja’.