Il-leaders Manchester City komplew isaħħu posthom fil-quċċata tal-Premier League Ingliż b’rebħa ta’ 2-0 fuq Leicester. Gabriel Jesus fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima, biex Kevin de Bruyne rdoppja l-iskor fid-49 minuta b’xutt b’saħħtu.
Manchester United għelbu lil Newcastle 4-1 f’Old Trafford. Dwight Gayle poġġa lil Newcastle fil-vantaġġ fl-14-il minuta iżda sa tmiem l-ewwel taqsima, Manchester United dawru l-iskor b’gowls minn Anthony Martial fis-37 minuta u Chris Smalling fil-45 minuta. Paul Pogba skorja t-tielet gowl fl-54 minuta, biex Romelu Lukaku għamel l-iskor finali 4-1 fis-70 minuta. F’din il-logħba rritorna wkoll Zlatan Ibrahimovic.
Arsenal kisbu s-sitt rebħa minn sitt logħbiet fl-Emirates Stadium meta għelbu lil Tottenham Hotspur 2-0 f’wieħed mid-derbies ta’ Londra. Arsenal fetħu l-iskor fis-36 minuta meta minn free-kick ta’ Mesut Ozil, għola tajjeb Skhodran Mustafi li b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Hugo Lloris. Il-Gunners irduppjaw ħames minuti wara b’Alexandre Lacazette jikkrossja lejn Alexis Sanchez li skorja minn quddiem Lloris.
Liverpool kisbu rebħa tajba ta’ 3-0 fuq Southampton. Huma fetħu l-iskor fil-31 minuta b’xutt sabiħ fir-rokna minn tarf il-kaxxa ta’ Mohamed Salah. L-istess plejer irdoppja l-iskor għaxar minuti wara meta għeleb in-nasba tal-offside wara pass ta’ Coutinho, skorja b’xutt mill-ewwel. L-iskor kompla jikber fit-68 minuta b’Philippe Coutinho jiskorja mir-rebound wara li xutt ta’ Firmino kien salvat parzjalment.
Rebħa faċli għal Chelsea li għelbu lil West Bromwich Albion 4-0. Alvaro Morata fetaħ l-iskor mir-rebound fis-17-il minuta, biex sitt minuti wara Eden Hazard irdoppja l-iskor. Marcos Alonso għamilhom tlieta fis-37 minuta b’gowl fuq it-tieni lasta, u Eden Hazard skorja r-raba’ gowl mas-siegħa logħob minn pożizzjoni ċentrali.
Burnley rebħu 2-0 kontra Swansea. Jack Cork fetaħ l-iskor fid-29 minuta b’daqqa ta’ ras u Ashley Barnes irdoppja fl-40 minuta b’xutt b’saħħtu.
Everton spiċċaw 2-2 kontra Crystal Palace. James McArthur fetaħ l-iskor fl-ewwel minuta, iżda Leighton Baines ġab id-draw fis-sitt minuta minn penalty. Wilfried Zaha reġa’ poġġa lil Palace minn fuq fil-35 minuta, iżda Baye Niasse ġab id-draw wara li ħa vantaġġ minn żball fid-difiża.
Rebħa kbira għal Bournemouth li rebħu 4-0 kontra Huddersfield. Callum Wilson fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras fis-26 minuta u rdoppja ħames minuti wara b’xutt mill-viċin. Harry Arter għamilhom tlieta fid-69 minuta b’xutt fil-baxx, biex Wilson għamilhom 4-0 sitt minuti mit-tmiem.
//= $special ?>