Rapport: George Cassar
HIBERNIANS……1
BIRKIRKARA…..0
Hibernians: A. Hogg, R. Soares, A. Agius, R. Gomes, M. Dias, C. Failla, D. Vella, J. Bezzina (J. Mbong 85’), J. Lima, M. Sahanek (M. Filho 79’), J. Degabriele (J. Elias 71’)
Birkirkara: P. Schranz, C. Attard, K. Zammit, Lucas, N. Vukanac, M. Andelkovic, R. Scicluna (A. Attard 87’), C. Alberto, J. Grech (L. Montebello 68’), B. Fernendez (E. Herrera 75’), F.Montero
Skorja: C. Failla 52’ pen (H)
Imwissija: J. Grech 29’ (B), R. Gomes 34’ (H), Lucas 51’, C. Attard 57’ (B), J. Degabriele 59’ (H), R. Scicluna 66’, K. Zammit 90’ (B)
Tkeċċew: R. Gomes 64’ (H), Lucas 73’(B)
Referee: Matthew Degabriele
Assistenti Referees: Luke Portelli, Sammy Attard
Il-Mument Plejer tal-logħba: Marco Sahanek (Hibernians)
Attendenza: 828
Penalty skorjat minn Clayton Failla lejn il-bidu tat-tieni taqsima ddeċieda l-partita favur Hibernians kontra Birkirkara. B’hekk il-Karkariżi jibqgħu fi kriżi hekk kif issa nqabżu wkoll minn Mosta u niżlu fid-disa’ post. Minkejja li kien hemm progress mill-wirjiet li ta fil-bidu tal-istaġun, it-tim immexxi minn Paul Zammit għadu qed ibati ħafna biex isarraf il-pussess f’konklużjonijiet konkreti b’nuqqas kbir ta’ moviment mill-plejers offensivi.
Kienet rebħa meritata għat-tim immexxi minn Mark Miller, li apparti li kien superjuri kważi tul il-partita kollha, laqat ukoll darbtejn il-lasta. Spikkaw fost iċ-champions il-moviment fl-attakk ta’ Jurgen Degabriele u l-ġirjiet veloċi ta’ Marcelo Dias fuq il-faxxa leminija li żammew lid-difiża Karkariża l-ħin kollu okkupata.
Wara kwarta, pass perfett ta’ Degabriele, ġab lil Marco Sahanek quddiem il-gowlkiper Philip Schranz, iżda l-ballun tal-attakkant Awstrijak waqaf mal-wieqfa. Wara nofs siegħa Birkirkara resqu qrib meta Ryan Scicluna fetaħ lejn Jake Grech iżda dan ma rnexxilux jiċċelebra għeluq sninu bil-gowl għax ix-xutt tiegħu mar ftit għoli. Qabel intemmet l-ewwel taqsima Hibernians reġgħu laqtu l-lasta minn xutt potenti minn barra l-kaxxa ta’ Failla.
Seba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima Lucas Maia waqqa’ lil Dias fil-kaxxa u r-referee Matthew Degabriele ordna penalty. Clayton FAILLA dawwar il-penalty tiegħu f’gowl, minkejja li Schranz kważi salva, iżda x-xutt kien b’saħħtu wisq biex iwaqqfu milli jidħol.
Iż-żewġ timijiet temmew il-partita b’għaxar plejers. Ftit wara s-siegħa logħob tkeċċa Rui Gomes ta’ Hibernians wara li rċieva t-tieni karta safra għal fawl fuq Scicluna. Fit-72 minuta anki Birkirkara spiċċaw b’għaxar plejers meta Lucas dabbar it-tieni karta safra wkoll wara fawl f’kontrattakk fuq Dunstan Vella.
Fl-aħħar kwarta l-gowlkiper Andrew Hogg ħareġ barra minn postu biex waqqaf attakk perikoluż ta’ Carlos Alberto bil-Karkariżi jappellaw għal penalty. Is-suffara finali reġgħet rat diżappunt ieħor fuq wiċċ il-partitarji ta’ Birkirkara li qed jaraw lit-tim tagħhom donnu li ma jistax jieħu ruħ, f’kuntrast mas-sodisfazzjon ta’ dawk Pawlisti li rebħa fil-grawnd tagħhom dejjem tinżlilhom għasel.
//= $special ?>