Futbol Sport

Rebħiet importanti għal Roma u Napoli

Il-plejers ta' Roma jifirħu mal-partitarji wara r-rebħa kontra Lazio (Ritratt: EPA)

Roma kisbu l-għaxar rebħa fil-kampjonat meta għelbu l-isfida ta’ Lazio 2-1 fid-derby ta’ Ruma biex telgħu momentarjament fit-tielet post punti ndaqs ma’ Inter.

Lazio kienu għoddhom marru minn fuq wara żewġ minuti b’gowl ta’ Ciro Immobile, iżda l-gowl ġie mħassar għal offside. Roma fetħu l-iskor fit-48 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Bastos fuq Kolarov. Mill-11-il metru DIEGO PEROTTI għeleb lil Strakosha.

Roma rduppjaw fit-53 minuta b’xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ RADJA NAINGGOLAN minn barra l-kaxxa, wara li Roma ħadu vantaġġ minn żball fid-difiża ta’ Lazio. It-tim ta’ Simone Inzaghi ngħata penalty wara li Kostas Manolas mess il-ballun b’idu fil-kaxxa, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR. Mill-11-il metru, CIRO IMMOBILE għeleb lil Alisson b’xutt fil-baxx.

Fil-logħba l-oħra tal-lum, il-leaders Napoli assiguraw li se jibqgħu fil-quċċata għal ġimgħa oħra wara li fi Stadio San Paolo għelbu lil Milan 2-1.

Napoli fetħu l-iskor fit-33 minuta meta LORENZO INSIGNE għeleb in-nasba tal-offside, avvanza u għeleb lil Donnarumma li seta’ biss isalva x-xutt. Oriġinarjament il-gowl kien imħassar għal offside, iżda wara li r-referee Daniele Doveri ra l-azzjoni bil-VAR, ikkonvalida l-gowl.

Napoli rduppjaw fit-73 minuta b’Dries Mertens jgħaddi tajjeb lejn PIOTR ZIELINSKI li wkoll għeleb in-nasba tal-offside u b’xutt fil-baxx bix-xellug, għadda l-ballun minn taħt saqajn Donnarumma. Milan baqgħu jittamaw sal-aħħar li jsalvaw il-logħba u fit-93 minuta naqsu d-distakk b’xutt mill-ewwel minn barra l-kaxxa ta’ ALESSIO ROMAGNOLI li għeleb lil Reina.