Lokali

RITRATTI: Il-kandidati fl-elezzjoni għall-Viċi Kapijiet jivvutaw fid-Dar Ċentrali

L-erba' kandidati għall-elezzjonijiet tal-Viċi Kapijiet tal-Partit għall-Ħidma fil-Parlament u fil-Partit ivvuttaw

Għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, l-erba’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Viċi Kapijiet tal-Partit għall-Ħidma fil-Parlament u fil-Partit ivvuttaw ġewwa d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament qed tkun ikkontestata minn David Agius u Edwin Vassallo, filwaqt li dik għall-Ħidma fil-Partit qed tkun ikkontestata minn Robert Arrigo u Toni Bezzina.

L-elezzjoni fetħet fit-8 ta’ dalgħodu u se tibqa’ għaddejja sad-9pm f’Malta fid-Dar Ċentrali tal-PN, fil-Każin tal-PN f’Ħal Tarxien u barra t-Trade Fair fin-Naxxar u bejn it-8am u s-7.30pm f’Għawdex fis-‘Sub-Headquarters’ tal-PN f’Ta’ Sannat.

It-Tesserati eliġibbli huma mitluba li jippreżentaw id-Dokument tal-Vot u l-Karta tal-Identità biex jingħataw iż-żewġ poloz tal-vot. F’kull waħda minnhom, irid ikun immarkat isem wieħed, skont l-għażla tal-votant għal kull kariga.

Is-Sibt li għadda saret l-Elezzjoni Bikrija, fejn ivvutaw madwar 2,500 Tesserat. Il-kaxxi bil-poloz tal-vot ta’ dakinhar issakkru fi ‘strong room’ u jinħarġu biss mal-proċess tal-għadd tal-voti, wara d-9pm.

Matul il-ġurnata, Radio 101 u NET News se jkun qed ixandar numru ta’ aġġornamenti dwar l-andament tal-elezzjoni, u llejla se ssir xandira simultanja ta’ programm speċjali, li jibqa’ għaddej sakemm joħroġ ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni.