Lokali

Roberta Metsola tgiddeb lill-MEPs Laburisti dwar il-protezzjoni tas-saltna tad-dritt fl-UE

"L-MEPs Laburisti għandhom rekord ta' ipokrezija fejn tidħol is-saltna tad-dritt"

“L-MEPs Laburisti għandhom rekord ta’ ipokrezija fejn tidħol is-saltna tad-dritt”. Sostniet dan l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola fi stqarrija li fiha tat il-verżjoni tal-fatti dwar il-gideb tal-Partit Laburista u tal-MEPs Laburisti Alfred Sant u Miriam Dalli.

Fl-istqarrija tagħha, Roberta Metsola qalet li mhux minnu dak li qed jiġi insinwat mill-MEPs Laburisti, li d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew aġixxiet b’mod differenti fuq is-saltna tad-dritt fl-Ungerija min kif aġixxiet fil-każ dwar Malta, b’Metsola tinsisti li kemm hi kif ukoll id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista dejjem ħadmu favur is-saltna tad-dritt – ikun liema pajjiż ikun, sew jekk hu Malta, l-Ungerija, ir-Rumanija jew il-Polonja.

“Huwa ta’ dispjaċir li tara nies bħal Alfred Sant u Miriam Dalli f’paniku fuq il-media Laburista jirrepetu l-insinwazzjoni li jien b’xi mod aġixxejt biex naġevola lill-Ungerija,” qalet Roberta Metsola fl-istqarrija tagħha, waqt li spjegat li dan kollu m’hu xejn ħlief strateġija biex iddawwar l-attenzjoni minn fuq il-mod kif il-Gvern Laburista Malti qed jonqos milli jipproteġi l-istituzzjonijiet u s-saltna tad-dritt f’Malta.

Fl-istess stqarrija, Roberta Metsola spjegat il-mumenti kollha li fihom iddefendiet is-saltna tad-dritt fl-Ungerija, fosthom meta vvutat favur reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li fiha saret sejħa għal investigazzjoni dwar l-Ungerija, liema reżoluzzjoni kien sar vot dwarha fis-17 ta’ Mejju 2017.

“Filwaqt li d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista vvutat favur azzjoni biex tiġi proteġuta s-saltna tad-dritt, Alfred Sant naqas milli jagħmel dan, filwaqt li l-MEP Marlene Mizzi kellha tbiddel il-vot wara li ħadet żball,” fakkret Roberta Metsola waqt li qalet kif dan kollu juri l-ipokrezja tal-MEPs Laburisti fejn tidħol il-protezzjoni tas-saltna tad-dritt.

Metsola fakkret ukoll fid-diskors li kienet għamlet f’wiċċ il-Prim Ministru Ungeriż Victor Orban stess meta dan kien mar il-Parlament Ewropew. Dakinhar, kienet qamet u tkelmet bla diffikultà favur is-saltna tad-dritt. Dan minkejja li l-MEPs Alfred Sant u Miriam Dalli kienu għażlu li f’dak id-dibattitu jibqgħu siekta. “Għall-MEPs Laburisti, is-silenzju dwar il-protezzjoni tas-saltna tad-dritt hija n-normalità,” innutat l-MEP Metsola fl-istqarrija tagħha.

Dwar il-kwistjoni tad-delegazzjoni fl-Ungerija, Roberta Metsola spjegat li s-Soċjalisti fil-kumitat LIBE qed jipprovaw jibgħatu delegazzjoni fl-Ungerija biex jaħlu l-ħin u jtawlu l-proċess biex jiġi ffinalizzat rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-Ungerija. B’kuntlarju, il-Partit Popolari Ewropew għażel mod ieħor: Li jibgħat għar-rappreżentanti tal-Ungerija biex jattendu smigħ fil-Parlament Ewropew, sistema aktar effettiva u li ma tneffaqx flus mit-taxxi tan-nies.

“Miriam Dalli użat dan id-diżgwid beix tipprova timplika li d-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma kinitx voċifera dwar il-protezzjoni tas-saltna tad-dritt fl-Ungerija,” spjegat Roberta Metsola, waqt li temmet tgħid li l-Partit Laburista ma jistax jibqa’ jippretendi li jista’ jgħaddi lil kulħadd biż-żmien.