Internazzjonali

Tkompli t-tfittxija intensiva għal sottomarin tal-Arġentina

Il-qawwiet tal-baħar tal-Arġentina  għaddejjin bi tfittxija intensiva għal wieħed mis-sottomarini tagħhom li għeb b’ekwipaġġ ta’ 44 membru fin-nofsinar tal-Oċean Atlantiku. Dan meta ilu ma jsir kuntatt bir-radju mas-sottomarin għal tlett ijiem.

Il-President Arġentin, Maurico Macri, qal li kienu qed jintużaw ir-riżorsi nazzjonali u internazzjonali kollha bil-għan li s-sottomarin, bl-isem San Juan, jinstab mill-aktar fis. L-aħħar rapporti qalu li ajruplan għal riċerka tan-NASA tal-Istati Uniti ssieħbet fit-tfittxija għas-sottomarin mitluf , bis-sitwazzjoni tibqa’ inċerta.

Ir-Renju Unit u pajjiżi oħra wkoll offrew l-għajnuna wara l-għejbien tas-‘San Juan’ li kien xi 430 kilometru ‘il hinn mill-kosta. Is-sottomarin kien qed jirritorna lejn il-bażi f’Mar del Plata wara missjoni rutina fin-nofsinar imbiegħed tal-Amerika t’Isfel.

Bħalissa, destroyer Arġentin u żewġ corvettes qed ifittxu madwar iz-zona fejn kienu reġistrati l-aħħar movimenti tas-sottomarin, ‘il hinn mill-peniżola ta’ Valdez.