Inter approfittaw mit-telfa li sofrew Juventus meta tard il-Ħadd filgħaxija, f’San Siro huma għelbu lil Atalanta 2-0 biex telgħu fit-tieni post tas-Serie A.
It-tim ta’ Spalletti issa għandu żewġ punti inqas minn Napoli li qegħdin l-ewwel u tnejn aktar minn Juventus. Minn naħa tagħhom Atalanta komplew bir-rekord negattiv barra minn darhom għax għadhom bla rebħa.
Fl-ewwel taqsima Inter ma tantx impressjonaw u Atalanta bdew jikkontrollaw l-attakki ta’ Inter li iżda fetħu l-iskor fis-sitt minuta tat-tieni taqsima.
Kien Candreva li bi cross perfett sab lil ICARDI li skurja b’daqqa ta’ ras preċiża.
Tmien minuti wara Gomez kellu ċans tad-deheb li jagħmel l-iskor indaqs imma ra x-xutt tiegħu jmur barra u ta’ dan pattew qares għax mas-siegħa logħob Inter irduppjaw l-iskor b’gowl ieħor ta’ ICARDI li reġa’ sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras, din id-darba wara li rċieva mingħand D’Ambrosio.
Għal Icardi dan kien it-13-il gowl fi 13-il logħba fil-kampjonat biex issa jinsab fit-tieni post fil-klassifika tal-aqwa skorers, żewġ gowls inqas minn Immobile.
Barra minn hekk għall-attakkant Arġentin dan kien l-94 gowl fis-Serie A u l-91 gowl ma’ Inter, numri ferm impressjonanti għal dan il-plejer li għad għandu 24 sena. Ħarsa lejn l-istatistika turi li Inter u Chievo huma l-aktar timijiet li skurjaw gowls bir-ras (6 kull wieħed).
Minn hawn ‘il quddiem Inter ma ħarsux lura biex ħadu tliet punti prezzjużi.
Ftit aktar kmieni ċ-champions Juventus tilfu 3-2 barra minn darhom kontra Sampdoria.
Grazzi għal din ir-rebħa Sampdoria żammew ir-rekord perfett f’darhom. Wieħed jista’ jgħid li l-għażla tal-kowċ ta’ Juventus li jserraħ diversi plejers (minħabba l-konfront li jmiss kontra Barcelona fiċ-Champions League) bħal ma huma Gigi Buffon, Andrea Barzagli u Paulo Dybala kienet deċiżjoni mhux daqstant tajba.
Barra minn hekk din ir-rebħa għal Sampdoria ġabet fi tmiem rekord negattiv li dawn kellhom kontra l-Bianconeri.
Mill-aħħar tmien konfronti huma kienu ħadu biss punt u l-aħħar darba li kienu rebħulhom qabel ilbieraħ kien f’Mejju tal-2013.
Minkejja li Juventus bdew aggressivi kienu Sampdoria li fetħu l-iskor fit-52 minuta meta Duvan ZAPATA kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu devjata bil-ballun iqarraq bil-gowlkiper Wojciech Szczesny u jispiċċa fix-xibka. L-istess Szczesny għamel save mill-aqwa minuti wara biex żamm lil Juventus fil-partita imma fil-71 minuta reġgħu kienu Sampdoria li skurjaw.
Din id-darba kien Lucas TORREIRA li skurja b’xutt mill-aqwa minn tarf il-kaxxa għal skor ta’ 2-0.
Ftit qabel dan il-gowl daħal jilgħab Dyabala għal Juventus li minn naħa tagħhom żiedu fl-attakki imma 21 minuta mit-tmiem Sampdoria għamluhom tlieta meta Gianmarco FERRARI antiċipa lil Khedira u rċieva ballun mingħand Quagliarella u mill-viċin skurja t-tielet gowl.
Fl-aħħar minuta Juventus naqqsu d-distakk meta ngħataw penalty hekk kif Douglas Costa twaqqa’ minn Ivan Strinic. Mill-11-il metru l-attakkant Arġentin HIGUAIN ma żbaljax.
Juventus komplew jagħfsu u minuta wara DYBALA sab ix-xibka b’xutt fil-baxx imma kien tard wisq għaċ-champions biex tal-anqas isalvaw punt.