Lokali

Il-Kap tal-PN jiltaqa’ u jisma’ lill-attivisti tal-Partit

Minn għada t-Tnejn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia se jkun qed jagħmel it-tieni laqgħa tiegħu mal-membri kollha tal-Kumitati Sezzjonali u tal-Fergħat tal-Partit bl-iskop li jħabbar id-data tal-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-PN u biex iħejji lill-attivisti tal-Partit għall-proċess li se jlaqqgħu mal-istess attivisti kollha fil-każini tal-
Partit fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Il-laqgħa ta’ għada t-Tnejn hi parti minn proċess biex iħeġġeġ lill-għeruq tal-PN jiltaqgħu ma’ firxa akbar ta’ nies u jiġbru kemm jista’ jkun fondi b’risq il-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-PN.

Ma’ dan, il-Kap tal-PN se jkun qed iħeġġeġ lill-għeruq tal-Partit biex jissoktaw bil-ħidma tagħhom fit-tkabbir tat-tesserament tal-P N u dan billi javviċinaw aktar nies u jħeġġuhom jissieħbu fil-Partit.

Dan hu proġett li jidher li issa qabel ritmu tajjeb u fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm aktar riżultati u miri assoċjati ma’ din il-ħidma.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia se jkun qiegħed iħeġġeġ ukoll biex l-attivisti kollha tal-Partit jattendu għal-laqgħat fuq livell lokali u distrettwali bl-iskop li hu jisma’ l-messaġġ dirett tal-attivisti tal-Partit.

Dawn il-laqgħat qegħdin ikunu koordinati mill-Uffiċċju tal-President tal-Kunsill Ġenerali u mmexxija minn Kristy Debono li għadha kemm inħatret f’din il-kariga.

Kristy Debono qed tkun fdata bil-koordinament ta’ dawn il-laqgħat li jressqu dejjem aktar viċin lill-Amministrazzjoni tal-Partit lejn l-għeruq fit-twettiq tal-wegħda tal-Kap tal-Partit li l-politika ssir minn isfel għal fuq.

L-ewwel laqgħa ta’ dan it-tip se ssir nhar it-Tlieta li ġej fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Venera (Fleur-de- Lys). Il-Kap tal-PN f’dan il-proċess diġà għamel żewġ laqgħat mal-attivisti tal-Partit f’Għawdex u l-laqgħa tat-Tlieta se tkun l-ewwel waħda minn sensiela ta’ sitta li fihom se jipparteċipaw l-attivisti kollha tal-PN u
dan fuq livell ta’ żewġ distretti f’kull laqgħa.