Lokali

Il-Marsin iħossuhom maqbuda f’morsa

Għadd ta' Afrikani kull filgħodu jinġabru ħdejn ir-roundabout tal-inħawi tas-Salib tal-Marsa jistennew ix-xogħol... sempliċiment li xi ħadd javviċinahom u joffrilhom xi tip ta' xogħol... probabbilment xogħol bi prekarjat
Bosta familji ħallew il-Marsa u marru joqogħdu f'xi belt jew f'xi raħal ieħor. Iż-żgħażagħ ġeneralment qed jiżżewġu u jitilqu mill-Marsa wkoll. Bosta oħrajn ma jistgħux jagħmlu hekk għaliex illum il-proprjetà li għandhom tilfet ħafna mill-valur tagħha

Mill-gazzetta il-mument

Familji li ltqajna magħhom fil-Marsa qalulna li llum bosta mill-ġirien tagħhom ma għadhomx jgħixu fil-Marsa u minkejja li kellhom il-familji dejjem fil-Marsa, issa fittxew l-opportunità biex jitilqu u fil-fatt hekk għamlu.

Huma qalulna wkoll li llum anki fost iż-żgħażagħ Marsin hemm “qbil” li darba jissetiljaw u jiżżewġu, allura jfittxu li jmorru joqogħdu f’xi belt jew f’xi raħal ieħor lil hinn mill-Marsa.

“Qabel meta konna nkunu qed infittxu biex niżżewġu, konna nfittxu li nsibu xi dar fil-Marsa stess. Illum it-tfal tagħna huma differenti ħafna u bosta ma joħolmux li jibqgħu jgħixu hawnhekk.”

Illum il-popolazzjoni fil-Marsa mhux biss qed tikber fl-età, imma qed tonqos ukoll. Kif ġara matul is-snin fil-Belt Valletta u f’lokalità bħall-Floriana, iżda għal raġunijiet differenti, illum hawn sitwazzjoni fil-Marsa fejn wara li nfetaħ iċ-Ċentru tal-Immigranti u wara lit-toroq imtlew bl-immigranti Afrikani, in-nies tal-Marsa saru jħossuhom li ma għadhomx jgħixu fil-Marsa fejn twieldu, trabbew u għexu, iżda qed jgħixu f’xi raħal f’xi pajjiż Afrikan.

Attwalment tant kibret il-popolazzjoni tal-Afrikani fil-Marsa li probabbilment hemm aktar minnhom milli Marsin. Anki meta wieħed jiġi għall-qadi ta’ kuljum isib li l-ħwienet tal-Maltin fil-Marsa qed ikomplu jonqsu. Illum huma dawn l-immigranti li fetħu ħwienet tal-merċa, tal-ħaxix, barbier, ħwienet tax-xorb u ħwienet oħrajn f’diversi toroq fil-Marsa. Dawn qed jixtru jew jikru mingħand il-Maltin u jmexxuhom huma. Għalkemm qed jonqsu, sa issa fadal għadd ta’ ħwienet immexxija mill-Maltin, iżda jekk kollox jibqa’ sejjer kif inhu sejjer fil-preżent, allura l-għadd ta’ dawn il-ħwienet se jkompli jonqos.

Hemm ħafna Marsin li stqarrew magħna li huma ma humiex komdi jmorru jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum mingħand xi ħanut immexxi mill-immigranti.

“Il-livell tal-indafa u l-iġjene hu differenti ħafna minn dak li aħna mdorrijin bih aħna. Dawn iqattgħu l-laħam frisk f’xi counter fil-ġenb. Ġieli jkollhom il-ħut. Ċertu rwejjaħ… m’iniex komdu ninqeda minn ħanut bħal dan,” qaltilna omm li żewġ bibien minn fejn toqgħod hi kien hemm ħanut tal-merċa li kienet tmur għandu kull filgħodu u probabbilment xi darba oħra wkoll matul il-jum biex tixtri dak kollu li jkollha bżonn.

“Issa dan il-ħanut kien imwelli lil xi żewġ Afrikani u milli jidher li jkollu minn kollox… sa ħaxix u frott li qatt ma rajt bħalu ġieli jkollu fil-kannestri fuq il-bankina. Imma jien ma nħossnix komda nidħol għandu u jixtri mingħandu. Issa f’dan il-ħanut jiġu immigranti minn kullimkien għaliex jibqa’ miftuħ sat-tard filgħaxija. U mhux biss… il-parkeġġ ikun xi drabi tassew bl-addoċċ.”

Mistoqsija jekk il-barranin fil-Marsa jkollhomx flus, dawk li tkellimna magħhom fissrulna li ġeneralment iva li jkollhom il-flus għaliex dak li jiġri hu li ħafna drabi l-irġiel iqumu kmieni filgħodu u jmorru jistennew ix-xogħol fejn xi roundabout jew f’xi toroq arterjali oħrajn.

Illum saret popolari ħafna li jekk ikollok bżonn xi xogħol fid-dar jew f’xi sit tal-kostruzzjoni, allura tiġi hawn il-Marsa u ssib minn fejn tagħżel. Mhux se nidħol fil-pagi li dawn l-immigranti jaqilgħu, iżda l-verità hi li kull filgħodu x-xena ta’ vannijiet, trakkijiet u karozzi li jiġu jgħabbuhom għax-xogħol hi komuni ħafna.

Marsin fissru wkoll mela dawn l-irġiel fl-aħħar tal-jum jew fl-aħħar tal-ġimgħa jew fl-aħħar tax-xahar idaħħlu ammont ta’ flus. Dak li qed jiġri issa hu li numru minn dawn l-irġiel bħal donnu li ma jkunux jafu kif jiġġestixxu l-flus li jkollhom u allura arahom imorru jixtru l-birer u l-fliexken tal-inbid u tal-alkoħol u jerħula fil-kantunieri, fuq il-bankini jew fuq xi bank… dejjem fl-apert… u ħallihom jikkonsmaw l-alkoħol bla limitu ta’ xejn.

Jirriżula wkoll li bosta drabi dawn ma jkunux imdorrijin jixorbu u għalhekk jispiċċaw fis-sakra wara l-ewwel ftit alkoħol li jkunu kkonsmaw.

Residenta qaltilna li hawn jikbru l-problemi għaliex bosta minn dawk fis-sakra mhux biss jispiċċaw jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fit-toroq, ma’ xi kantuniera jew f’xi qasrija, iżda anqas biss ikunu jafu x’qed jiġri madwarhom.

“Ejja fi tmiem il-ġimgħa u prattikament dejjem ikollna numru ta’ ġlidiet. Xi drabi bis-skieken ukoll. Dak li jiġri hu li jkun hemm min jisker u mbagħad taqgħad ġlieda.

“Ġieli jkun hemm min jispiċċa jorqod f’nofs ta’ bankina. Fuq xi bank. Fuq xi saqqu fl-art fil-ġenb ta’ xi triq. Fil-bandli…”

Ingħadilna wkoll li l-Marsa llum saret lokalità li tattira lil ċerti persuni għal skop ta’ kriminalità. “Nafu b’każi ta’ immigranti li kissru bibien ta’ djar li fihom ma jgħix ħadd, daħlu ġewwa u għamlu ġimgħat jgħixu fihom bħal li kieku hi xi dar tagħhom. F’każ ieħor numru ta’ rġiel kissru bieb ta’ dar, daħlu fiha u qagħdu jsajru u mbagħad meta tfaċċa s-sid ħarbu min-naħa ta’ wara.”

Komplew jgħidulna li llum fil-Marsa l-għadd ta’ djar vojta bħal donnu żdied, għalkemm hemm min qiegħed jisfrutta wkoll din is-sitwazzjoni u qed jikri l-proprjetà tiegħu lil gruppi ta’ rġiel jew lil xi familji kbar.